Left arrow Mur Lura

Restawr fil-Knisja ta’ San Girgor, Żejtun

PR0039
Date Icon 17/01/2007

Il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna qed jiġi konservat u restawrat bl-oġġettiv ewlieni sabiex l-istil arkitettoniku li dawn il-monumenti huma mibnija fuqhom jispikka u fl-istess waqt jiġi ndukrat.  Dan qalu l-Onor. Ninu Zammit, Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet tar-restawr propju li qed isir fuq il-Knisja ta’ San Girgor fiż-Zejtun. 

Ir-restawr minn barra tal-Knisja ddedikata lil Santa Katerina, magħrufa aħjar bħala ta’ San Girgor fiż-Żejtun, sar minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  Il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa taż-Żejtun, wara talba tal-Kappillan, ir-Rev. Eric Overend.

Il-kundizzjoni ġenerali tal-Knisja, li tinkludi ħdax-il faċċata, għandu jingħad li kienet relattivament tajba. Madankollu, difetti lokalizzati ġew identifikati fuq il-faċċati, u kien propizju li dawn jiġu rranġati biex jiġi evitat li tikber il-ħsara.  

Ix-xogħol ta’ restawr kien jinkludi tibdil ta’ ġebel immermer, tindif tal-faċċati, tneħħija ta’ kisi bis-siment mill-partijiet il-baxxi tal-faċċati, u tikħil tal-fili biex jiġi evitat dħul ta’ ilma li tant jikkawża ħsara lill-ġebla u lill-istruttura tal-bini. Fattur interessanti huwa l-ammont sostanzjali ta’ graffiti li nstabu fuq il-faċċati, partikolarment ta’ xwieni, li kollha ġew dokumentati, u waqt ir-restawr ġew konservati b’attenzjoni.

Mhux magħruf b’ċertezza l-oriġini tal-Knisja, li tissemma għall-ewwel darba fl-1436.  Li huwa ċert iżda hu, li din il-Knisja ttrasformat ruħha tul iż-żminijiet sakemm mill-forma sempliċi rettangolari tagħha ħadet id-dehra preżenti. Minbarra l-importanza reliġjuza, hemm ukoll fattur ieħor li minħabba l-lokazzjoni strateġika tal-Knisja fuq il-bajjiet ta’ San Tumas u Marsaxlokk, fiż-żmien kienet tintuża wkoll għal skopijiet ta’difiża.  

Il-Ministru Ninu Zammit spjega li għalkemm ix-xogħol kien wieħed estensiv u delikat il-programm ta’ tnax-il-xahar inżamm u l-kwalita` tax-xogħol hija waħda skond standards stabbiliti.  L-ispiża kollha fuq dan ix-xogħol taqbeż is-somma ta’ Lm30,000.  Ix-xogħol kollu li sar ikopri medda ta’ madwar 1,400 metru kwadru ta’ ġebel li ġie mnaddaf, issaħħaħ fejn kien meħtieġ u tberflu l-fili  kollha.  Barra mix-xogħol tar-restawr qed isir ukoll pavimentar mill-ġdid ta’ parti miz-zuntier li jdawwar din il-Knisja. Ser tiġi nstallata sistema ġdida ta’ illuminazzjoni sabiex l-arkitettura tal-knisja tkun tista` tiġi ammirata aħjar bil-lejl.  Ix-xogħol kollu huwa mistenni li jintemm sa Frar 2007. 

Il-Ministru tenna li dan ir-restawr jifforma parti minn lista twila ta’ xogħlijiet li nbdew u tlestew fis-sena 2006, fosthom il-Kappella ta’ Ceppuna fil-Marsa, Il-Kappella ta’ Santa Marija fl-Imtarfa, il-Kappella ta’ San Bert fiż-Zurrieq, il-Kappella tal-Qlejja fil-Mosta u t-tlett Knejjes f’Ħal-Balzan.  L-impenn tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna qed jitwettaq bil-fatti u l-ħidma f’dan is-sens tkompli tissaħħaħ u tintensifika fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

DOI – 17.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow