Restawr fil-Knisja ta’ San Girgor, Żejtun
Il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna qed jiġi konservat u restawrat bl-oġġettiv ewlieni sabiex l-istil arkitettoniku li dawn il-monumenti huma mibnija fuqhom jispikka u fl-istess waqt jiġi ndukrat. Dan qalu l-Onor. Ninu Zammit, Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet tar-restawr propju li qed isir fuq il-Knisja ta’ San Girgor fiż-Zejtun.
Ir-restawr minn barra tal-Knisja ddedikata lil Santa Katerina, magħrufa aħjar bħala ta’ San Girgor fiż-Żejtun, sar minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa taż-Żejtun, wara talba tal-Kappillan, ir-Rev. Eric Overend.
Il-kundizzjoni ġenerali tal-Knisja, li tinkludi ħdax-il faċċata, għandu jingħad li kienet relattivament tajba. Madankollu, difetti lokalizzati ġew identifikati fuq il-faċċati, u kien propizju li dawn jiġu rranġati biex jiġi evitat li tikber il-ħsara.
Ix-xogħol ta’ restawr kien jinkludi tibdil ta’ ġebel immermer, tindif tal-faċċati, tneħħija ta’ kisi bis-siment mill-partijiet il-baxxi tal-faċċati, u tikħil tal-fili biex jiġi evitat dħul ta’ ilma li tant jikkawża ħsara lill-ġebla u lill-istruttura tal-bini. Fattur interessanti huwa l-ammont sostanzjali ta’ graffiti li nstabu fuq il-faċċati, partikolarment ta’ xwieni, li kollha ġew dokumentati, u waqt ir-restawr ġew konservati b’attenzjoni.
Mhux magħruf b’ċertezza l-oriġini tal-Knisja, li tissemma għall-ewwel darba fl-1436. Li huwa ċert iżda hu, li din il-Knisja ttrasformat ruħha tul iż-żminijiet sakemm mill-forma sempliċi rettangolari tagħha ħadet id-dehra preżenti. Minbarra l-importanza reliġjuza, hemm ukoll fattur ieħor li minħabba l-lokazzjoni strateġika tal-Knisja fuq il-bajjiet ta’ San Tumas u Marsaxlokk, fiż-żmien kienet tintuża wkoll għal skopijiet ta’difiża.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li għalkemm ix-xogħol kien wieħed estensiv u delikat il-programm ta’ tnax-il-xahar inżamm u l-kwalita` tax-xogħol hija waħda skond standards stabbiliti. L-ispiża kollha fuq dan ix-xogħol taqbeż is-somma ta’ Lm30,000. Ix-xogħol kollu li sar ikopri medda ta’ madwar 1,400 metru kwadru ta’ ġebel li ġie mnaddaf, issaħħaħ fejn kien meħtieġ u tberflu l-fili kollha. Barra mix-xogħol tar-restawr qed isir ukoll pavimentar mill-ġdid ta’ parti miz-zuntier li jdawwar din il-Knisja. Ser tiġi nstallata sistema ġdida ta’ illuminazzjoni sabiex l-arkitettura tal-knisja tkun tista` tiġi ammirata aħjar bil-lejl. Ix-xogħol kollu huwa mistenni li jintemm sa Frar 2007.
Il-Ministru tenna li dan ir-restawr jifforma parti minn lista twila ta’ xogħlijiet li nbdew u tlestew fis-sena 2006, fosthom il-Kappella ta’ Ceppuna fil-Marsa, Il-Kappella ta’ Santa Marija fl-Imtarfa, il-Kappella ta’ San Bert fiż-Zurrieq, il-Kappella tal-Qlejja fil-Mosta u t-tlett Knejjes f’Ħal-Balzan. L-impenn tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna qed jitwettaq bil-fatti u l-ħidma f’dan is-sens tkompli tissaħħaħ u tintensifika fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
DOI – 17.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958