Messaġġ fl-okkażjoni ta’ Arbor Day li jiġi ċċelebrat illum
L-okkażjoni ta’ Arbor Day, li tiġi ċċelebrata llum 16 ta’ Jannar, hija okkażżjoni ideali biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tas-siġar. F’Malta, dan il-jum huwa okkażjoni f’waqtha biex nitfgħu dawl fuq l-isforzi tal-Gvern biex f’pajjiżna ikun hawn aktar siġar.
F’messaġġ fl-okkażjoni ta’ Arbor Day, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent tenna l-apprezzament tiegħu għall-fatt li bl-isforz ta’ kulħadd il-mira ta’ tħawwil ta’ siġar tas-sena l-oħra ntlaħqet u nqabżet tant li ntlaħqet il-mira ta’ 16,000 siġra. Dan sar permezz tal-kampanja 34U (Tree For You) li kompliet tintlaqa’ tajjeb mill-pubbliku. Il-Ministeru jfakkar li minbarra s-siġar li tħawlu permezz tal-kampanja 34U hemm ukoll numru kbir ieħor ta’ siġar li jitħawlu permezz ta’ proġetti varji ta’ tisbiħ li jkun għaddej.
Is-suċċess s’issa wassal biex il-mira ta’ siġar li jridu jitħawlu din is-sena telgħet għal 20,000 u l-Ministeru huwa fiduċjuż li bis-sehem ta’ kulħadd anke din il-mira tinqabeż. Matul din is-sena l-pubbliku għandu jkompli jgawdi minn dawn il-proġetti ta’ afforestazzjoni u fix-xhur li ġejjin għandu jinfetaħ is-sit tas-Salini, magħruf aħjar bħala Kennedy Grove.
Il-Ministeru jfakkar fl-iżvilupp li sar fuq is-siti l-oħra ta’ afforestazzjoni fosthom f’Ta’ Qali fejn għaddej xogħol ta’ tkabbir u tisbiħ. Fis-sit tal-Mellieħa mistennija jitħawwlu mal-5,000 siġra li jinkludu siġar mogħtija mill-Gvern Taljan u siġar oħra mill-kampanja 34U. Fil-jiem li ġejjin mistennija jitħabbru żviluppi mportanti dwar is-sit ta’ Xrobb l-Għaġin li qed ikun amministrat mill-NGO Nature Trust.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li mira oħra ewlenija għal din is-sena ser ikunu proġetti ta’ tħawwil ta’ siġar f’Għawdex. Dan għandu jsir b’kollaborazzjoni mal-privat u mal-pubbliku. Matul din is-sena ser ikomplu jkunu organizzati aktar attivitajiet fejn il-pubbliku u s-settur privat ikun mistieden jipparteċipa fit-tħawwil ta’ siġar
Intant il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino appella għall-appoġġ kontinwu biex l-isforzi tal-Gvern jibqa’ jkollhom suċċess. Hu wera l-apprezzament tiegħu għad-disponibilita’ tas-settur privat u tal-pubbliku li qed iwassal biex il-miri tal-Gvern mhux biss jintlaħqu iżda jinqabżu.
George Pullicino irringrazzja lill-Kunsilli Lokali u lill-iskejjel tas-sehem tagħhom fis-suċċess tal-kampanja ta’ tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni. Hu wera ruħu fiduċjuż li l-Gvern ikompli jsib l-appoġġ popolari għall-inizjattivi li qed jieħu fl-aħjar interess tal-poplu, tal-pajjiż u tal-ambjent.
DOI – 16.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958