Iktar għajnuna lill-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin
Madwar Lm14,500 tqassmu lil iktar minn 100 għaqda f’attivita’ dedikata lill-għaqdiet mhux governattivi Għawdxin, li saret nhar il-Ġimgħa filgħaxija fil-Ministeru għal Għawdex.
Waqt li kienet qed tindirizza lill-għaqdiet preżenti, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li l-Gvern jifhem u japprezza s-sehem importanti ta’ l-għaqdiet mhux governattivi fl-iżvilupp soċjali ta’ Għawdex u matul dawn l-aħħar snin, ipprovda diversi servizzi direttament f’Għawdex sabiex jassisti lil dawn l-għaqdiet f’ħidmiethom.
Il-Ministru Debono rreferiet għat-twaqqif ta’ ċentru mill-Ministeru għall-użu b’xejn mill-għaqdiet, it-twaqqif ta’ Assoċjazzjoni li tiġbor fiha diversi għaqdiet, kif ukoll is-sehem attiv ta’ l-istess assoċjazzjoni fil-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex li jsegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea f’Għawdex.
Il-Ministru Debono tkellmet ukoll dwar il-Liġi tal-Volontarjat li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament li għandha l-għan li ssaħħaħ l-istess għaqdiet mhux governattivi. L-istess liġi tipprovdi għal rikonoxximent lill-għaqdiet u hekk ikun iktar faċli għalihom li japplikaw għal proġetti b’finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea u proġetti internazzjonali oħra.
Il-Ministru Debono awgurat sena oħra ta’ ħidma lil dawn l-għaqdiet filwaqt li rringrazzjat lill-membri ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Għaqdiet Mhux Governattivi, li fl-istess okkażjoni żammet it-tielet Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha. L-Assoċjazzjoni tiġbor fi ħdanha madwar mitejn membru u ġiet imwaqqfa mill-Ministeru għal Għawdex f’Awissu 2003. L-għaqdiet membri huma maqsuma fi tlett kategoriji: dawk li jaħdmu fil-qasam soċjali, fil-qasam kulturali u fil-filantropija.
DOI - 15.01.2006
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958