GĦAŻLIET SPORTIVI NAZZJONALI 2006
Dalgħodu tħabbru l-ismijiet tal-finalisti għall-Għażliet Sportivi Nazzjonali 2006. Il-finali tas-46 edizzjoni ta’ l-Għażliet Sportivi Nazzjonali, li se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar 2007 hi organizzata mill-Għaqda Kittieba Sports bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
F’diskors li għamel il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol b’responsabilta’ għall-isport, Louis Galea, qabel ma tħabbru l-finalisti, qal li s-sena 2006 kienet sena oħra ta’ ħidma mportanti fil-qasam sportiv u li s-sena 2007 għandha ġġib magħha sfidi u opportunitajiet ġodda hekk kif tkompli l-ħidma tal-Gvern u ta’ l-għaqdiet sportivi biex l-isport f’pajjiżna jkompli miexi l-quddiem.
Louis Galea tkellem dwar l-ħidma li twettqet tul l-2006 u x’inhu ppjanat għall-2007 kemm f’dak li huwa nvestiment kapitali u rikorrenti mill-Gvern f’dan il-qasam kif ukoll dwar l-iżvilupp tal-faċilitajiet sportivi madwar Malta u Għawdex u fl-iżvilupp tal-programmi offruti.
Il-Ministru Galea qal li l-Gvern jirrikonoxxi l-valur kbir ta’ l-isport u dan juriħ billi jinvesti miljuni ta’ liri f’dan il-qasam. Hu sostna li f’dawn l-aħħar għaxar snin (bejn l-1998 u din is-sena 2007 inkluża) il-Gvern se jkun investa aktar minn Lm13-il miljun fl-isport bejn l-ispiża kapitali ta’ aktar minn ħames miljun lira, u l-ispiża rikorrenti ta’ aktar minn tmien miljun lira.
Faċilitajiet Sportivi
Dwar il-faċilitajiet sportivi, il-Ministru qal li l-KMS għaddej b’ħidma kontinwa biex iħaddem bl-aħjar mod possibbli l-faċilitajiet tal-Gvern u fl-istess ħin qed ikompli l-investiment biex jitjiebu l-faċilitajiet eżistenti u jinbnew oħrajn ġodda.
Hu qal li kulħadd japprezza li l-Kumpless Sportiv Kottonera huwa kumpless versatili, sabiħ u modern b’faċilitajiet aċċessibbli għal kulħadd. U dan kien rikonoxxut kemm mill-Bord Internazzjonali għad-disinji u strutturi ta’ Kumplessi Sportivi Mondjali u mill-Paralympic International Body għall-aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’. Dan il-Kumpless qed jintuża b’mod regolari minn diversi għaqdiet sportivi u skejjel, qed iservi bħala bażi għall-KMS u għal diversi għaqdiet, ospita attivitajiet sportivi internazzjonali tan-Netball, Table Tennis u Table Football u qed jospita wkoll programmi sportivi tal-KMS bħas-Summer on the Move, Skolasport u Judo Nursery.
Il-KMS għaddej b’ħidma biex itejjeb il-faċilitajiet fil-Kumpless tal-Marsa. Din il-ħidma kienet meħtiega biex tilqa’ għall-ammont konsiderevoli t’attivitajiet li jsiru fl-istess Kumpless. Dawn il-faċilitajiet jospitaw diversi għaqdiet u klabbs u qed jintużaw ukoll mill-MCAST u l-Universita’ ta’ Malta kif ukoll minn diversi skejjel. It-track u faċilitajiet oħrajn intużaw mill-MATSEC għall-eżami tal-PE kif ukoll intużaw biex isiru l-Kampjonati tal-Malta Employers Association. Bħala parti mill-aspett soċjali tiegħu, l-KMS ħadem id f’id ma’ ‘Puttinu Cares for Children’ biex saru attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Din l-attivita’ se terġa ssir fl-2007 Barra minn hekk tul l-2007 il-Kumpless tal-Marsa ser jilqa’ fih numru ta’ timijiet barranin għal taħriġ fil-futbol, rugby u baseball.
Louis Galea semma kif din is-sena kompla l-pjan ta’ manutenzjoni fil-Pixxina Nazzjonali li kien jinkludi xogħol fuq l-apparat tal-Plant room, sistema ġdida ta’ dosing awtomatika biex jiġi kkontrollat l-ilma użat għall-għawm fiż-żewg pixxini, ħidma strutturali f’diversi partijiet tal-Kumpless, tibdil fis-sistema ta’ Public Announcement, twaħħlu l-ewwel tined mal-ġenb għal protezzjoni mix-xemx u sar xogħol fuq il-ħitan u d-dawl taż-żewġ squash courts. Dan il-Kumpless ukoll jospita fih diversi għaqdiet sportivi kif ukoll il-Kumitat Olimpiku Malti inkluż d-Diagnostic Laboratory u uffiċċini u lecture rooms tal-Institite for PE & Sport.
Tul is-sena li għaddiet il-Kumpless ospita fih 22 team barrani, numru ta’ skejjel li jgħallmu l-Ingliż, l-klabbs kollha lokali tal-waterpolo u s-sessjonijiet tagħhom tal-għawm, il-kampjonat nazzjonali tal-waterpolo u diversi kompetizzjonijiet ta’ l-għawm organiżżati mill-ASA, 55 skola differenti, diversi logħbiet tal-isquash, Attivita ‘Sports for All’ għall-impjegati tal-Universita’, lezzjonijiet ta’ l-għawn għall-għalliema studenti, eżamijiet tal-Matsec PE u, fil-perjodu tas-sajf, lis-‘Summer on the Move’, Kids on Campus u National Swimming School li bejniethom ġabru il fuq minn 800 tifel u tifla.
Tul din is-sena ntlaħaq ftehim mal-Malta University Sports Club u rati speċjali għall-istudenti taħt il-kappa ta’ l-Universita’. Aktar minn 500 student qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Pixxina Nazzjonali u Tal-Qroqq Fitness Centre. Il-Ministru qal li għalkemm kien hemm żieda sostanzjali fil-prezz tal-fuel u daħal is-surcharge fuq il-konsum tad-dawl, il-prezzijiet għall-użu tal-Kumpless baqgħu l-istess bħas-snin ta’ qabel. Madankollu, biex jikkontrolla t-telf ta’ sħana matul il-lejl, il-KMS ser jibda jagħmel użu minn ‘pool blanket’ fuq il-Main Pool. Matul il-perjodu Novembru 2006 sa Jannar 2007, il-Main Pool ġiet imbattla biex isiru t-testijiet fuq il-konkos oriġinali ta’ 1993. Tul dan il-perjodu l-KMS b’kollaborazzjoni mal-Malta Football Association irranġat biex it-tim Nazzjonali ta’ l-Għawn jagħmel il-programm ta’ taħrig tiegħu ġewwa l-Pixxina f’Ta’Qali.
Minn din is-sena il-Fitness Centre qed jopera separatament mill-Pixxina Nazzjonali u fil-fatt anke ġie mogħti budget intern għalih. Il-Fitness Centre jista’ jitqies bħala l-mutur ekonomiku tal-KMS minħabba n-numru konsiderevoli ta’ membri li jiġġeneraw il-‘cash flow’ meħtieġ. Il-Fitness Centre għandu aktar minn 1200 persuna li jagħmlu użu minnu tul il-ġimgħa. Matul din is-sena il-KMS investa aktar minn Lm30,000 f’apparat u xogħol ta’ manutenzjoni u refurbishment. Tul is-2007, il-KMS ser jinvesti ammont ieħor konsiderevoli kemm f’apparat kif ukoll f’xogħol ta’ refurbishment.
Flimkien mal-Universita’ ta’ Malta, il-KMS f’isem il-Gvern għandu nofs it-tmexxija tal-University Sports Hall li tinsab biswit il-Pixxina Nazzjonali. Din il-Hall tospita fiha l-kampjonati nazzjonali tal-Handball, Netball, Table Tennis u Żfin (inkluż wheelchair dance sport) kif ukoll taħriġ ta’ numru ta’ timijiet fl-isport tal-basketball, handball u netball. Il-Hall tilqa’ fiha wkoll il-programmi tal-KMS għal din iż-żona ta’ Malta. Tul din is-sena l-KMS investa f’għamara għaċ-Changing rooms u xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-art tal-parquet.
Programmi
Il-Ministru ffoka wkoll fuq il-programmi li qed joffri l-KMS: Skolasport, Summer on the Move, Swimming Promotion Unit, Sport għal Kulħadd, u inizjattivi oħrajn bħal ma kienu l-Walking Bus Project, Nursery tal-Judo u ħidma mal-Kummissarju tat-Tfal f’attivitajiet għaż-żgħażagħ.
Fl-aħħar sena, il-KMS iddeċieda illi jaħdem fuq il-kwalita’ ta’ prodott offrut lill-pubbliku minħabba li n-numru ta’ parteċipanti kien qed ikun wieħed ogħli fit-taqsima ta’ tfal bejn il 5 u 10 snin. Fil-fatt għal din is-sena, għall-ewwel darba, il-KMS għandu waiting list ta’ tfal biex jidħlu fil-programmi ta’ Skolasport bejn il-5 u l-10 snin. Din is-sena fi Skolasport kien hemm mas-700 tifel u tifla fil-kategorija bejn il-5 u 10 snin u kważi 400 ta ’l fuq minn 10 snin. Sfortunatament għalkemm qed jiġu wżati tliet faċilitajiet sportivi, l-ispazju xorta waħda huwa limitat. Ir-raġuni hija li t-tfal jeħtieġu ‘area’ konsiderevoli biex ikunu jistgħu jwettqu t-taħriġ tagħhom kif suppost. Il-Ministru qal li għaldaqstant il-ftuħ tal-Kumpless ta’ Ħal-Kirkop għandu jkompli jżid il-faċilitajiet li jistgħu jintużaw għal dan l-iskop.
Dawn it-tfal qed jiġu mogħtija tahriġ multi-sport bl-enfasi tkun fuq attivita’ motorja u ħiliet bażiċi. Din is-sena il-KMS qed joffri flimkien mal-Għaqdiet Sportivi Nazzjonali 19-il sport differenti, fejn il-maġġoranza tagħhom qed jiġi segwiet syllabus maqbul mal-Għaqda Nazzjonali konċernata. Skolasport qegħda ukoll tipprovdi taħriġ t’aerobics u keep-fit għal ġenituri tat-tfal li jkunu akkompanjaw lil uliedhom għall-attivitajiet ta’ skolasport.
Louis Galea qal li kif kien pjanat, din is-sena il-KMS għamel enfasi fuq il-livell tal-għalliema li jkunu qed jieħdu ħsieb it-taħriġ tat-tfal. Fil-fatt is-46 persuna ingaġġati huma fil-maġġoranza tagħhom għalliema gradwati fil-PE, coaches ikkwalifikati fl-isport tagħhom u ammont ta’ studenti li qed isegwu l-kors ta’ għalliema fl-Universita’ ta’ Malta jew inkella studenti li jifformaw parti mit-timijiet Nazzjonali fl-isport partikolari tagħhom. Tul is-sajf il-KMS għamel ‘in-service course’ obbligatorju għal persuni li kienu urew ix-xewqa li jkunu parti mit-tim ta’ Skolasport. Dan kollu qed isir biex il-kwalitá tal-programmi li noffru ikun wieħed tajjeb u li joffri l-ogħla valur lill-istudenti. Sabiex il-KMS jassigura l-interessi tat-tfal fdati taħt il-ħarsien tal-programm Skolasport saru diversi laqgħat mal-Kummissarju tat-Tfal. Il-KMS qed jissussidja Skolasport għall-ammont ta’ Lm 20,000
Programm ieħor li joffri l-KMS hu s-Summer on the Move, li dan is-sajf kellu numru record t’attendenza. Fil-fatt kien hemm total ta’ 327 tfal li attendew għal programmi differenti fuq numru ta’ ġranet għal perjodu ta’ tmien gimgħat, is-sessjonijiet ta’ taħrig sportiv differenti sar fil-Kumplessi sportivi u faċilitajiet sportivi oħrajn. It-tfal ġew offruti wkoll ħarġiet t’interess f’postijiet sportivi u kulturali kif ukoll sessjonijiet ta’ basic skills. Il-KMS kellu 38 part-timer ikkwalifikat impjegati miegħu tul dan il-programm.
Is-Swimming Promotion Unit huwa programm konġunt bejn id-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Kunsill Malti għall-iSport. Dan il-programm ilu għaddej għal aktar minn tmien snin u jiġbor fih it-tagħlim kollu tal-għawn organizzat direttament mill-KMS inkluż programmi għal Skolasport u Summer on the Move.
Fil-preżent il-programm qed joffri lezzjonijiet tal-għawm għat-tfal tal-iskejjel matul il-ġurnata u nursery stabbilita fit-taħriħ ta’ l-għawn. Din is-sena kien hemm total ta’ 815 tifel u tifla jattendu.
Il-programm ta’ Sports for All inkluda ħidma flimkien ma’:
• Puttinu Cares – attivita’ ta’ tliet ijiem futbol,
• Richmond Foundation - attivita’ sportiva għal persuni li huma membri tal-Richmond
Foundation,
• Sports for All f’Santa Lucija bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Sta Lucia u l-
Football Nursery ta’ Sta Lucia,
• dawra bir-roti flimkien mal-BMX Association u l-Malta Cycling Federation,
• ġurnata sportiva għall-iskejjel fil-Kumplessi tal-Kottonera u tal-Marsa.
B’kollox kien hemm total ta’ 19-il skola u attivitajiet ta’ l-għawn għat-tfal li qegħdin f’St. Patrick’s College. Barra minnhekk il-KMS din is-sena inghaqad ma’ diversi entitajiet governattivi u privati fic-celebrazzjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal li kien jinkludi diversi attivitajiet sportivi ghal kulhadd f’Ta’ Qali.
Inizjattivi oħra li ttieħdu mill-KMS jinkludu l-Walking Bus Project li sar b’esperiment gewwa l-iskola tas-Siġġiewi. Dan il-proġett jidher li kien suċċess u ser jitkompla fl-iskejjel oħra matul din is-sena skolastika. Fl-iskola tas-Siġġiewi inħolqot sinerġija bejn l-amministrazzjoni tal-iskola, l-Kunsill tal-iskola, il-KMS u l-ġenituri tat-tfal. Il-KMS flimkien mat-Tigne’ Judo Club ta wkoll bidu għal nursery tal-Judo fil-Kumpless tal-Kottonera għat-tfal minn 5 snin il-fuq. Dawn it-tfal li l-parti kbira minnhom ġew mill-ibliet tal-Kottonera qed jattendu għat-tahriġ fil-Judo regolari u fil-fatt diġa sar l-ewwel ‘test’ tal-grading mal-Malta Judo Federation. Il-KMS ħa parti attiva wkoll fil-weekend gathering taż-żgħażagħ li ġie oragnizzat mill-Kummissarju tat-tfal.
Edukazzjoni
Il-Gvern permezz tal--KMS jisħaq illi l-isport Malti kien jeħtieġ titjib fil-livell edukattiv tal-persuni kollha involuti direttament fl-isport. Fil-fatt il-KMS kien laħaq ftehim ma’ l-Universita’ ta’ Malta fl-2003 biex ġie imwaqqaf l-Institute for Physical Education and Sport fl-istess Universita’. Tul dawn it-tlett snin il-KMS investa Lm 30,000 mill-budget tiegħu għat-taħriġ ta’ coaches. Sal-lum l-Istitut laqa’ fih aktar minn 125 persuni f’korsijiet differenti ta’ coaching fejn anke ser ikun hemm l-ewwel persuni b’diploma ta’ l-Universita’ ta’ Malta fit-taħriġ ta’ l-isport. Il-KMS qiegħed f’laqgħat ma’ l-MCAST biex jiġu organizzati korsijiet part-time għall-amministratturi sportivi.
Trasferiment ta’ faċilitajiet sportivi
Matul din is-sena ma sar l-ebda trasferiment ta’ faċilita’ sportiva għalkemm il-KMS għandu ammont ta’ talbiet pendenti. Fil-preżent qed issir evalwazzjoni fuq it-trasferimenti ta’ faċilitajiet li saru tul dawn l-aħħar tminn snin u minn din is-sena l-KMS ħatar Compliance Officer biex jara x’kienet is-sitwazzjoni tal-faċilitajiet sportivi u jekk l-għaqdiet kienux qed jonoraw l-obbligi tal-kuntratti. Madankollhu wieħed jinnota b’sodisfazzjon li matul l-2006 kienu diversi l-għadiet li wettqu żvilupp ta’ natura kapitali fuq il-faċilitajiet mgħoddija lilhom. Żvilupp ieħor li ġie innotat kien f’numru ta’ 5-a-side artifical pitches taħt il-proġett ta’ l-MFA flimkien mal-UEFA kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Finanzi
Il-Ministru Galea qal li din kienet l-ewwel sena li bdew jaħdmu l-iskemi t’Assistenza / Inċentivi maħruġa mill-KMS. Hu qal li b’kollox l-KMS alloka bħala għajnuna is-somma ta’ aktar minn Lm 400,000 lill-Għaqdiet sportivi inkluż aktar minn Lm 166,000 lill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM). Mill-Fond tal-Good Causes, il-Gvern alloka s-somma ta’ Lm 172,370 lil numru ta’ Għaqdiet sportivi inkluż il-KOM.
Forma ta' assistenza oħra li jgħati l-Gvern kull sena, u li ma jidhrux fil-figuri tal-budget, huwa s-sussidju sinifikanti li hemm fuq il-kirjiet tal-kumplessi sportivi li jopera l-KMS, u wisq aktar fuq il-kirjiet ta' għexieren ta' eluf ta' metri kwadri f'artijiet u fi propjeta' li ġew allokati lill-għaqdiet sportivi għall-użu tal-isport. Kieku wieħed kellu jivvaluta l-krijiet b'rati kummerċjali u jqabbilhom mal-kirjiet li jħallsu l-għaqdiet sportivi tagħna, żgur jasal għal somma sinifikanti li qed jagħti l-gvern għall-benefiċċju ta’ l-isport Malti.
Kumitat Olimpiku Malti
Tul l-2006 l-MOC ingħataw is-somma ta’ Lm 131,400 u għas-sena 2007 ġiet allokata s-somma ta’ Lm 166,400. Din is-sena ser ikun hemm il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u l-KOM huwa mpenjat bis-sħiħ fil-preparazzjonijiet ta’ l-atleti Maltin li ser jikkompetu. Il-Gvern permezz tal-KMS jirrikonoxxi dan l-impenn u għaldaqstant alloka s-somma ta' Lm155,000 fi flus. Barra minn dan, bħas-soltu, l-KMS qed jisponsorja b'Lm10,000 f'memberships fil-fitness centre tal-Pixxina f'Tal-Qroqq u b’aktar minn Lm 1,600 f’kirjiet tal-uffiċini ta’ l-KOM.
Ħidma Oħra
Ħidma oħra tinkludi:
• Il-KMS affilja mal-European Fair Play Movement u mal-AHESIS
• Il-KMS lesta n-National Sports Strategy għat-tlett snin li ġejjin.
• Il-KMS għamel ftehim wara sejħa għat-tenders mal-Ecomonic & Management
Consultancy Services Ltd., biex jsir economic survey f’Malta fuq l-impatt tal-isport.
• Il-KMS irrakomanda total ta’ 554 granet special leave għal ativitajiet sportivi barra
minn Malta.
• Il-KMS u l-Ministeru qed jaħdmu id f’id mal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu fl-Sports
Segment Advisory Group.
• North Sport Complex - Saru numru ta’ laqgħat mal-Ministeru tal-Finanzi biex jiġi
diskuss il-kunċett tal-Public Private Partnership. Minn naħa tiegħu l-KMS diġa lesta l-
brief sportiv għal Kumpless.
• Saru laqghat ma’ Għaqdiet Sportivi li jorganizzaw attivatjiet sportivi ghal persuni bi
bżonnijiet speċjali. Il-KMS ser jaħtar working group speċifiku għal dan il-għan.
Ħarsa lejn l-2007
Louis Galea ħabbar li matul l-2007 se jibda l-bini ta’ faċilita’ sportiva f’Ħal-Luqa li ser tkun il-bidu ta’ kunċett ġdid għal KMS. Kunċett fejn se jkunu involuti l-Għaqdiet sportivi tal-lokali kif ukoll il-pubbliku. Il-Ministru qal ukoll li t-tenders għad-disinn u bini ta’ l-istruttura tal-Kumpless Sportiv Reġjonali f’Ħal-Kirkop ġew evalwati u l-kuntrattur ġie magħżul. Il-KMS min-naħa tiegħu qed jaħdem fuq ‘il-finishes’ tal-Kumpless b’konsulenza mal-UK Sport u mill-Banco Credito Sportivo Italiano bil-kooperazzjoni tal-APS Bank. Meta jitlesta dan il-Kumpless, il-KMS ikun jista jifrex aktar l-Għaqdiet li jixtiequ jagħmlu użu mill-faċilitajiet nazzjonali.
Il-Ministru qal li l-KMS se jkompli jkattar il-programmi ma’ l-Iskejjel fosthom:
• ‘Walking Bus Project’ - wara s-suċċess li kien hemm fil-bidu ta’ dan il-proġett mal-iskola primarja tas-Siġġiewi, il-KMS fi ħsiebu jżid in-numru ta’ skejjel parteċipanti matul din is-sena.
• ‘Sport Minded Schools’ - Il-KMS fi ħsiebu joħloq ‘award’ għal dawk l-iskejjel lokali li juru li jkollhom element ta’ ħsieb fil-qasam sportiv. Dan huwa proġett li għaddej b’ritmu tajjeb fil-Lussemburgu u qed iħalli l-frott fejn tidħol parteċipazzjoni akbar fl-isport, tfal aktar b’saħħithom u nuqqas fil-percentaġġ fir-rata ta’ l-obeżita’.
• Community After School Sport - Il-KMS qiegħed f’laqgħat mal-Fondazzjoni ghal Servizzi Edukattivi biex jingħata bidu għal proġett pilota għal wara l-ħin ta’ l-iskola. B’hekk ikun jista’ jsir użu mill-faċilitajiet sportivi ta’ l-iskejjel wara l-ħin ta’ l-iskola.
• Il-KMS ser flimkien mal-Kullegg San Benedittu jiffirma ftehim dwar l-użu tal-faċilitajiet tal-Kulleġġ wara l-ħin ta’ l-iskola. Fil-fatt hemm il-ħsieb illi jiġi introdott kumitat tat-tmexxija bejn iż-żewġ entitajiet biex ikun assigurat l-aħjar użu tal-faċilitajiet imsemmija. • Il-KMS se jkun qed jaħdem ukoll fuq programmi sportivi ġodda fosthom:
• ‘Girls on the Move’ - Bidu ta’ programm sportiv għas-sess femminili fl-eta’ ta’ bejn id-9 u 16-il sena. Dan il-programm ser isir minn ġewwa l-Kumpless tal-Cottonera kull nhar ta’ Ġimgħa u se joffri numru differenti ta’ team-sports u lezzjonijiet ta’ self-defence u keep-fit lit-tfajliet.
• ‘Let’s Volonteer’ – Taħriġ għall-persuni li jridu jkunu ‘voluntiera’ ma’ Għaqdiet Sportivi waqt attivitajiet sportivi Internazzjonali. Dawn il-voluntiera ser jingħataw taħriġ skond program stabbilit mill-UK Sport.
• Swimming Grading għall-istudenti li jattendu t-taħriġ ta’ l-Għawm fis-Swimming Promotion Unit. Dan il-grading ikun qed isir b’kollaborazzjoni ma’ l-Amateur Swimming Association (Malta).
Waħda mill-inizjattivi li ttieħdu din is-sena, kienet it-twaqqif tal-Motor Sports Commission bl-iskop li tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni attwali ta’ dan l-isport f’pajjiżna. Dan għandu jwassal għat-twaqqif ta’ federazzjoni Maltija għal dan il-qasam.
Il-Ministru Galea qal li flimkien mal-Ministeru t’Għawdex qed issir ukoll ħidma biex jissaħħaħ l-isport fil-gżira t’Għawdex. Hu qal li lejn l-aħħar tas-sena l-KMS ħatar il-Gozo Sports Coordinator u issa se jintbgħat ‘survey’ lill-familji kollha Għawdxin dwar l-isport f’Għawdex bl-iskop li jitħejja pjan strateġiku għall-iżvilupp ta’ l-isport f’Għawdex. Saru laqgħat mas-Sindki t’Għawdex biex jingħata spinta lill-‘Sport for All’ f’kull lokalita’ f’Għawdex. Il-KMS se jagħmel sensiela ta’ sports days f’Għawdex. L-istess ko-ordinatur għal Għawdex ġie mdaħħal fit-tifsil ta' facilitajiet sportivi ġodda f'Għawdex u dan bħala progetti mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru semma wkoll il-Konferenza Ministerjali tal-Kommunita’ Ewropea (KE) dwar l-isport, fejn ġie deċiż li ser titfassal 'White Paper' matul din is-sena li ser tindirizza l-valur intrinsiku ta’ l-isport fid-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi biex ikun ċar x’inhu il-valur miżjud li dan jagħti, u anke biex tiġi ffaċilitata ir-relazzjoni bejn il-KE u l-istakeholders fl-isport. F'Malta l-KMS, kien antiċipa dawn id-dimensjonijiet u saħansitra kien fassal il-pjan strateġiku tiegħu b'dawn f'moħħu. Barra minn hekk, fil-KE ġie rikonoxxut il-fatt li ma teżistix statistika dwar il-kontribut ekonomiku tal-isport. Il-Ministru ħabbar li l-KMS għandu dan l-istudju għaddej minn ekonomisti u matul dawn ix-xhur li ġejjin għandu jkollna stampa aktar ċara ta' xi jfisser l-isport fl-ekonomija tal-gżejjer tagħna.
Il-Ministru qal li f’din is-sena hu mistenni wkoll li jinħatar uffiċjalment matul din is-sena id-‘Doping Unit’ fi ħdan il-KMS. Dan il-Unit se jkun responsabbli biex jagħti bidu għal kampanja edukattiva dwar id-doping fil-qasam sportiv u jħejji pjan t’azzjoni biex jibda jopera b’mod regolari id-Doping Unit. Fl-istess ħin hu mistenni l-ħruġ ta’ regolamenti ta’ reġistrazzjoni ta’ Persuni Sportivi skond Artiklu 35 tal-Liġi ta’ l-iSport.
Louis Galea qal li se jkun qed jgħin lil diversi organizzazjonijiet lokali biex dawn jorganizzaw laqgħat u tournaments internazzjonali, fosthom lill: Aquatic Swimming Association biex jospitaw f’Malta l-European Junior Waterpolo Championship; Malta Amateur Athletic Association biex jospitaw f’Malta l-European Athletics Meeting and Conference; Malta Cycling Federation biex torganiżża t-Tour ta’ Malta; u lill-Malta Judo Federation & Associated Disciplines biex jospitaw f’Malta l-European Cadets Judo Championships.
Il-Ministru Galea irringrazzja lill-Għaqda Ġurnalisti Sportivi talli għal darb’oħra ħadu l-inizjattiva li jorganizzaw dawn il-premijiet. Hu radd ħajr ukoll lill-ġurnalisti sportivi li b’dedikazzjoni jwasslu lit-telespettaturi, semmiegħa u qarrejja l-aktar tagħrif aġġornat dwar id-diversi attivitajiet sportivi li jkunu qed iseħħu kif ukoll dwar dak li jkun għaddej fil-qasam sportiv. B’referenza għas-sitwazzjoni dwar ir-rapportaġġ televiżiv tal-logħob tal-futbol lokali, l-Ministru Galea wera t-tama li tiġi zblokkata s-sitwazzjoni biex dawk li jsegwu din il-logħba popolari jkunu jistgħu jieħdu servizz xieraq ħalli dan l-isport f’pajjiżna jkompli jikber, jiżviluppa u jħalli r-riżultati mixtieqa.
Il-Ministru temm jawgura lill-finalisti kollha. Hu qal li dawn in-nies ħaqqhom l-istima u l-ammirazzjoni tagħna lkoll mhux biss għax huma kapaċi jilħqu livelli għoljin ta’ performance fid-dixxiplina sportiva tagħhom imma wkoll għax fil-maġġoranza tagħhom dan jagħmluh filwaqt li jkomplu bix-xogħol jew il-ħidma professjonali tagħhom.
DOI – 13.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958