DISKUSSI L-PRIORITAJIET TAL-PRESIDENZA ĠERMANIŻA FIS-SETTUR TA’ L-AMBJENT F’LAQGĦAT BEJN IL-GVERN MALTI U L-GVERN ĠERMANIŻ
Il-prioritajiet tal-presidenza Ġermaniża fis-settur ta’ l-ambjent kienu diskussi f’laqgħat li saru f’Malta bejn uffiċjali tal-Gvern Malti u rappreżentant għoli tal-Gvern Federali Ġermaniż. Bħalissa l-Ġermanja għandha f’idejha l-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea sa’ Ġunju li ġej.
Fuq stedina tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, kien hawn f’Malta Dr Karsten Sach, li hu d-Deputat Direttur Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Ministeru għall-Ambjent u l-Konservazzjoni tal-Ġermanja. Matul il-laqgħat kienu diskussi divesi temi ta’ priorita’ u mportanza għaż-żewġ pajjiżi, fosthom it-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar ta’ l-iskart u l-programm Life+.
Dr Sach wera ruħu sodisfatt bil-ħidma tal-Gvern Malti fl-oqsma li ġew diskussi partikolarment dwar il-pjanijiet u l-politika tal-Gvern fil-qasam tat-tibdil tal-klima. Ir-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż awgura li fis-settur tal-immaniġġjar ta’ l-iskart, il-Gvern jibqa’ għaddej bil-programm ta’ riforma ambizzjuż li nbeda, u dan biex is-settur jilħaq il-livelli Ewropej.
Dr Sach enfasizza l-importanza li l-industrija lokali tagħraf aktar l-opportunitajiet li jistgħu jnħolqu minn immaniġġjar effettiv ta’ l-iskart, u dan fl-aħjar interess tas-setturi kollha kkonċernati. Matul iż-żjara f’Malta, Dr Sach kellu wkoll l-opportunita’ li jiltaqa’ ma’ l-NGO’s Maltin li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent u matul il-laqgħa, l-NGO’s ingħataw tagħrif u kellhom l-opportunita’ li jwasslu l-veduti tagħhom fuq diversi temi ambjentali.
Iż-żjara ta’ Dr Sach serviet ukoll bħala tħejjija għaż-żjara uffiċjali li ser jagħmel f’Malta f’Marzu li ġej il-Ministru ta’ l-Ambjent Federali Ġermaniż Sigmar Gabriel, wara li dan laqa’ l-istedina li saritlu mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino.
DOI – 13.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958