IL-PROĠETT GĦALL-MANUTENZJONI TAD-DGĦAJJES F’MARSAXLOKK F’FAŻI AVVANZATA
Ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ hard standing facility f’Marsaxlokk, li l-iskop tiegħu huwa li jiffaċilita l-ħajja tas-sajjieda li kull sena jeħtiġilhom jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq id-dgħajjes tas-sajd, waslu fi stadju avvanzat u l-faċilitajiet mistennija jibdew joperaw fil-bidu ta’ Marzu.
Il-proġett, fil-Ponta tal-Qrejten ta’ Marsaxlokk, li fuqu diġà ntefqu madwar Lm700,000, jikkonsisti f’reklamazzjoni tal-baħar biex jiġi rranġat is-sit fejn qed tinbena l-faċilità u x-xiri ta’ żewġ krejnijiet biex itellgħu d-dgħajjes fuq l-art mingħajr tbatija għas-sajjieda. B’kollox is-sit jippermetti li fuq l-art jista’ jkun hemm sa żewġ fillieri ta’ dgħajjes kbar, jiġifieri madwar 16-il bastiment ta’ 22 metru, fl-istess ħin, fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jagħmlu l-manutenzjoni fuq id-dgħajjes tagħhom huma stess.
Sa 75% tal-proġett qed jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Financial Instrument for Fisheries Guidance (FIFG) u 25% mill-Gvern Malti.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino dalgħodu żar ix-xogħlijiet fuq is-sit li bħalissa għaddejjin b’ritmu mgħaġġel u qal li l-proġett jikkonferma l-impenn tal-Gvern fis-settur lokali tas-sajd biex sajjieda Maltin u Għawdxin ikunu kompettivi ma’ sħabhom oħra Ewropej u biex l-industrija tas-sajd tkun iktar sostenibbli.
S’issa, ġo Marsaxlokk u madwar il-kosta ta’ Malta ma hemmx spazju biżżejjed u faċilitajiet biex laneċ ta’ ċertu daqs jittellgħu l-art. Għaldaqstant, għal numru ta’ laneċ tas-sajd, speċjalment il-kbar nett, kien iktar konvenjenti u irħas li jmorru Sqallija milli jiġbdu l-bastimenti tagħhom f’xi shipyard kummerċjali hawn Malta. Ir-raġuni hi li meta s-sajjieda jiġbdu l-bastiment jisfaw bla xogħol u għalhekk jagħmel sens li la ma jkollhomx x’jagħmlu, jixkatlaw u jiżbgħu l-bastiment tagħhom huma stess. Dan ifisser li jnaqqsu l-ispiża tal-manutenzjoni tal-bastimenti tagħhom.
D.O.I. - 11.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958