GĦOTJA TA’ MANTENIMENT LIL STUDENTI LI QED JIRREPETU JEW ISEGWU KORS FL-ISTESS LIVELL
Il-Bord ta’l-Istipendji jeżamina numru ta’ każi
Numru ta’ studenti li din is-sena qed jirrepetu jew isegwu kors fl-istess livell ta’ studji post sekondarji, iżda mxew minn istituzzjoni edukattiva għal oħra, qegħdin jipprotestaw minħabba li mhux qed jirċievu l-għotja ta’ manteniment tagħhom. Saħansitra dehru stejjer f’gazzetti u l-kwestjoni anke tqajjmet fil-Parlament permezz ta’ mistoqsijiet Parlamentari.
Kif qal il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea, f’risposta għal mistoqsija Parlamentari fil-jiem li għaddew, din m’hix xi ħaġa li daħlet fil-liġi issa iżda ilha hekk anke minn meta kien hemm is-sistema ta’ l-istipendji qabel l-1999. Kemm l-Avviż Legali 165 tal-1999 u kif emendat bl-Avviż Legali 372 ta’ l-2005, jgħidu speċifikatament li studenti li qed isegwu t-tieni kors jew aktar wara li temmew jew għamlu parti minn kors, fl-istess livell, ma jkunux intitolati li jirċievu l-Għotja ta’ Manteniment (stipendju) għaż-żmien li għamlu fil-kors preċedenti u li għalih kienu qed jirċievu stipendju.
Fil-fatt, fis-snin li għaddew, diversi studenti, anke fl-Università li mxew minn kors għal ieħor u baqgħu fl-istess livell, ma rċivewx stipendju u reġgħu bdew jirċievu meta għamlu progress u għaddew għall-livell aktar ogħla. Din il-proċedura ilha segwita għal numru ta’ snin.
Din is-sena kellna studenti li kienu bdew kors fl-Iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi tan-Naxxar u kienu qed jirċievu stipendju u issa bdew kors fl-MCAST fl-istess livell tas-sena li għaddiet u f’ċerti każi f’livell aktar baxx. Kellna studenti li mxew mill-Junior College għall-MCAST u qed jirrepetu l-istess livell li kienu fih is-sena li għaddiet; kellna każi ta’ studenti li mill-MCAST marru fl-iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi u bdew kors f’livell aktar baxx minn dak li kienu qed jagħmlu fis-sena ta’ qabel; kellna studenti li mill-Università marru l-MCAST u bdew kors fl-istess livell tas-sena meta kienu l-Università jew livell anqas u kellna studenti fl-Università li mxew minn kors għal ieħor u qed jirrepetu l-istess livell. Dawn kollha, skond il-liġi, m’humiex intitolati għall-Għotja ta’ Manteniment (stipendju) f’din is-sena. Jekk is-sena d-dieħla jagħmlu progress u jitilgħu għal sena oħra, jerġgħu jibdew jieħdu l-istipendju.
Numru minn dawn l-istudenti, fil-parti l-kbira studenti li bdew korsijiet fl-MCAST din is-sena u li s-sena li għaddiet kienu f’xi istitutzzjoni Post Sekondarja oħra u rċivew stipendju, ressqu l-każ tagħhom quddiem il-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti. Kien hemm ukoll studenti li kitbu lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni dwar dan il-każ.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni talab lill-Bord għall-Ghotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti biex jeżamina l-fatti ta’ kull każ. Dan il-process qed isir bħalissa u la darba dan l-eżerċizzju jintemm ikun jista’ jiġi stabbilit jekk dawn il-każi jistgħux ikunu solvuti fil-parametri tal-liġi jew b’xi mod ieħor. Sadanittant il-Ministeru, bl-iskop li jgħin lil dawn l-istudenti, diġà ta l-ismart card b’Lm100 fiha biex l-istudenti jkunu jistgħu jixtru kotba u materjal edukattiv ieħor.
D.O.I. - 10.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958