SEHEM L-ORKESTRA NAZZJONALI FL-IŻVILUPP TAL-WIRT MUŻIKALI
“Permezz tal-ħidma tagħha l-Orkestra Nazzjonali qed tagħti ġieħ lil numru ta’ kompożituri Maltin li għamlu isem għal pajjiżna. Matul is-sena li għaddiet l-Orkestra Nazzjonali esegwiet xogħlijiet ta’ Nicolò Isouard, Paolino Vassallo, Carlo Diacono u Carmelo Pace.”
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, meta nieda l-kunċert, li l-Orkestra Nazzjonali ser tesegwixxi flimkien ma’ l-Orchestra Sinfonica di Pesaro, u CD b’recordings ta’ l-istess Orkestra Nazzjonali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali llum saret punt ta’ riferenza importanti fil-kultura mużikali ta’ pajjiżna mhux biss għall-kunċerti li tagħti minn żmien għal żmien, li wħud minnhom daħlu fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, iżda wkoll minħabba r-rappreżentazzjonijiet li tagħti flimkien ma’ orkestri barranin. Hu qal li din il-kollaborazzjoni wasslet biex l-Orkestra Nazzjonali tat rappreżentazzjonijiet mill-aqwa flimkien mal-Brno Philharmonic Orchestra, il-North Czech Philharmonic u l-Orchestra Sinfonica e Coro Sinfonico Giuseppe Verdi ta’ Milan.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-20 ta’ Jannar l-Orkestra Nazzjonali ser tingħaqad mat-taqsima ta’ l-istrumenti tal-korda ta’ l-Orchestra Sinfonica di Pesaro għal Grand Concert fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Hu qal li din ser tkun okkażjoni oħra biex il-pubbliku Malti jsegwi mill-qrib l-Orkestra Nazzjonali fl-esekuzzjonijiet tagħha. Hu qal li l-pubbliku Malti u Għawdxi diġa kellu l-opportunita’ jkun kburi bl-Orkestra Nazzjonali tagħna meta din akkumpanjat il-kantant famuż Taljan Andrea Bocelli waqt il-kunċert li dan ta għal eluf ta’ Maltin u barranin f’Ta’ Qali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li okkażjoni importanti għall-Orkestra Nazzjonali ser ikun il-kunċert li ser tagħti flimkien ma’ Orchestra Sinfonica di Pesaro fit-Teatro Rossini f’Pesaro, l-Italja – kunċert li ser jitmexxa mid-direttur mużikali ta’ l-istess Orkestra Nazzjonali, Michael Laus.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena ser tkun sena oħra ta’ ‘attivita’ qawwija għall-Orkestra Nazzjonali li bdiet bil-Kunċert ta’ l-Epifanija u tkompli bl-EU Celebration Concert, l-Kunċert ta’ Jum l-Indipendenza u bil-parteċipazzjoni fil-Festival ta’ l-Opra li jsir f’Marzu fit-Teatru Manoel; kif ukoll f’kunċerti u fi produzzjonijiet flimkien mat-Teatru Manoel f’Jannar, Frar u Mejju, fil-Victoria Arts Festival f’Għawdex f’Lulju.
Il-Ministru Zammit Dimech qal ukoll li f’Mejju l-Orkestra Nazzjonali ser ittella’ kunċert f’ġieħ Charles Camilleri, kompożitur ieħor Malti; ser tieħu sehem fil-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Ġunju u ser ittella’ r-Requiem ta’ Verdi fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Miediterran f’Novembru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Orkestra Nazzjonali qed tniedi wkoll CD tal-kunċert tat-30 ta’ Mejju 2006 li sar fit-Teatru Manoel taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Muscat f’ġieh Paolino Vassallo. Din is-CD ser tkun taħt it-tikketta ta’ l-istess Orkestra Nazzjonali “Orkestra Nazzjonali Live”. Hu qal li din is-CD hi akkumpanjata minn ktejjeb ta’ 12-il paġna mimlija informazzjoni u riċerkata dwar il-kompożitur u x-xogħlijiet tiegħu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Orkestra Nazzjonali hi llum istituzzjoni importanti li qed tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp tal-kultura nazzjonali. Hu qal li l-kultura mużikali tikkontribwixxi mhux biss biex il-Maltin jsiru aktar konxji tal-wirt kulturali tagħna iżda anke biex il-prodott kultuali Malti jsir aktar magħruf mat-turisti li jżuruna.
D.O.I. - 10.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958