DOKUMENTARJU MAĦDUM MALTA - A TASTE OF CAROB – JIRBAĦ PREMJU FIS-SLOVAKKJA
Fi tmiem is-sena 2006, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent għal darb’oħra ħa sehem fl-Agrofilm International Festival li sar ġewwa Nitra fis-Slovakkja. Id-dokumentarju ppreżentat għal dan il-festival iġib l-isem ta’ A Taste of Carob u kiseb il-premju mogħti mill-Ministru ta’ l-Agrikoltura tas-Slovakkja.
Dan il-festival tal-films isir kull sena u għalih jipparteċipaw kompetituri minn madwar id-dinja. Din is-sena 92 dokumentarju minn 23 pajjiż differenti ħadu sehem. Waqt dan il-festival jista’ jintrebaħ il-premju Grand Prix bħala l-ogħla unur, numru ta’ premjijiet f’erba’ kategoriji differenti, u premjijiet oħra mogħtija minn istituzzjonijiet Slovakki.
A Taste of Carob hu dokumentarju li jagħti tagħrif fuq l-istorja, botanika, prodotti, l-użu fl-imgħoddi u fil-preżent tal-ħarrub, u fl-istess ħin jiffoka fuq aspetti storiċi, naturali u kulturali b’rabta mal-Gżejjer Maltin. Tingħata ħarsa lejn l-użu tal-ħarrub bħala sors ta’ ikel, għalf, għasel, mediċina, zerriegħa, injam, u prodotti oħra pproċessati li qegħdin iqajjmu interess qawwi f’din is-siġra Mediterranja.
Ix-xogħol iebes biex jinħadem dan id-dokumentarju kien fdat f’idejn Antoine Zammit, li ħa ħsieb l-iffilmjar, id-direzzjoni u l-muntaġġ. Carmelo Briffa, uffiċjal fid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura, ħa ħsieb ir-riċerka u flimkien ma’ Anthony Parnis kiteb ukoll l-iscript.
B’dan id-dokumentarju Antoine Zammit kompla jżid ma’ sensiela dejjem titwal ta’ dokumentarji li rebħu premju f’dan il-festival. Dawn kienu Rehabilitation of Wied il-Qlejgħa, The Maltese Cheeselet, A Pinch of Salt u A Glimpse of Wool.
Il-Ministeru juri l-apprezzament tiegħu lejn in-numru konsiderevoli ta’ voluntiera li taw l-għajnuna tagħhom biex dan id-dokumentarju ikun maħdum b’mod interessanti u informattiv. Ringrazzjament speċjali jingħata lill-APS Bank li kien l-isponsor ta’ dan id-dokumentarju.
DOI 09.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958