RAPPORT ANNWALI DWAR IL-VERIFIKA TAL-FONDI PUBBLIĊI 2005
Ir-Rapport Annwali tal-Verifika, li ġie ppreżentat lill-Onor. Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Diċembru 2006, jiġbor fih ir-riżultati kollha li ħarġu minn verifika li saret fit-tieni nofs tas-sena 2006, għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2005. Dan ir-Rapport jirreferi wkoll għal verifika oħra li diġà ġiet inkluża fir-Rapport ta’ Nofs is-Sena li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-27 ta’ Lulju 2006.
Ir-Rapport Annwali wera tħassib dwar il-problemi mniżżla hawn isfel:
L-arretrati ta’ dħul kif irrapurtati lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ammontaw għal 412.4 miljun lira li minnhom ġie rrapurtat li l-ammont ta’ 80.6 miljun lira biss seta’ jinġabar sal-31 ta’ Diċembru 2005.
Minn verifika li saret fl-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku li tirrigwardja riċerki nstab li l-kumpanija li kienet inkarigata biex tgħaddi back-up regolari tad-data-base ta’ riċerki lid-Dipartiment ma kinitx qed tagħmel dan. Dan id-Dipartiment ma rrappurtax arretrati ta’ dħul minkejja li kien hemm ammont konsiderevoli ta’ multi/miżati f’riċerki x’jinġabru.
Wara li l-awdituri tal-Gvern Lokali ssottomettew ir-rapporti u l-ittri bil-kummenti tagħhom lill-Kunsilli Lokali kollha, saret reviżjoni fejn instabu numru ta’ każijiet li nisslu wkoll tħassib. Aktar minn hekk, numru konsiderevoli ta’ Kunsilli Lokali rreġistraw nuqqasijiet varji fejn tidħol il-kontabilità tas-Sistema Lokali ta’ Infurzar (LES). Ġie nnotat ukoll li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kumitati Konġunti ma ġewx mgħoddija fil-ħin biex jikkoinċidu mal-verifika tal-Kunsilli Lokali.
F’Kumitat Konġunt partikulari għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2005 l-ammont ta’ pagamenti tat-Tribunal għal perjodu li fih intużat is-sistema ta’ pooling, u li kien għadu pendenti, kien jammonta għal Lm504,335, żieda ta’ 40% fuq is-sena ta’ qabel u l-provvediment għal dejn mitluf kien ta’ Lm136,515 li jfisser żieda ta’ 60% fuq is-sena preċedenti.
Fi Frar 2006 il-pagamenti pendenti tat-Tribunal kienu jammontaw għal Lm596,032 li minnhom:
Lm111,315 kienu jirrigwardjaw 65 vettura. 19-il vettura minn dawn akkumulaw pagamenti ta’ ’l fuq minn Lm2,000-il waħda u;
Lm155,880 kienu jirrigwardjaw 69 sid. Tnjen u għoxrin sid kienu akkumulaw pagamenti ta’ aktar minn Lm2000-il wieħed b’persuna partikulari taqbeż saħansitra l-ammont ta’ Lm26,000.
Għalkemm l-Ordinanza li tirregola t-tiġdid tal-liċenzji tat-traffiku tgħid li ma’ għandhomx jiġu mġedda liċenzji ta’ vetturi meta jkun għad hemm hemm penali jew multi mhux imħallsin 1,736 vettura li kellhom ammont pendenti mat-Tribunal f’Marzu 2006 kellhom il-liċenzja tagħhom imġedda.
Kapijiet ta’ ċerti stabbilimenti edukattivi f’Għawdex mhumiex iżommu inventarji b’konformità mar-regolamenti.
Is-Sezzjoni tas-Salarji ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Edukazzjoni ta’ Għawdex (GEO) taħdem il-lista tal-pagi ta’ l-għalliema u ta’ l-istaff l-ieħor ta’ l-iskejjel Għawdxin kif ukoll ta’ l-impjegati tagħha. Madankollu l-kontroll huwa wieħed dgħajjef għax ħafna mill-pagamenti ma jistgħux jiġu vverifikati mis-Sezzjoni la darba dokumenti b’informazzjoni dettaljata jkunu fl-Uffiċċju tar-reġistru tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u għand it-Teżor f’Malta. Aktar minn hekk struzzjonijiet għal tnaqqis fis-salarji ħafna drabi ma jaslux fil-ħin u dan qed iwassal għal pagamenti żejda. Il-GEO qed isib diffikultà jirkupra dawn il-pagament lura.
Is-sistema kompjuterizzata tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, is-SABS, m’hemmx inkorporat fiha kont bankarju nominali li jista jiġi rikonċiljat mar-rendikont bankarju. Aktar minn hekk id-Dipartiment ma jżommx lista ta’ ċekkijiet li ma ġewx imsarfa għal kull perjodu li jiġi rikonċiljat. Minn eżerċizzju li sar biex jiġi vverifikat l-ammont ta’ 1.34 miljun lira f’ċekkijiet mhux imsarfa sa’ l-aħħar tas-sena 2005 irriżulta li aktar minn 20% ta’ pagamenti fil-lista kienu harġu qabel is-sena 2004.
Analiżi dwar l-etajiet kollha ta’ persuni li qed jibbenefikaw minn pensjonijiet apposta uriet li 3% huma taħt l-40 sena u 16% taħt il-50 sena li jfissru 322 u 1,526 benefiċjarji rispettivament. Eżamijiet mediċi ma jerġux isiru f’okkazjonijiet meta persuna tkun ingħatat l-benefiċċju għal żmien indefinit. Manwal aġġornat tal-proċeduri ma kienx disponibbli u għalhekk id-Dipartiment beda jaddotta għadd ta’ proċeduri informali biex tinħadem il-pensjoni ta’ l-invalidità.
F’rapport speċjali dwar it-temi ewlenin u punti importanti li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-gvern elettroniku (e-government), l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) jitkellem dwar il-ħtieġa li l-maniġment fil-ministeri u entitajiet pubbliċi għandu jagħti aktar attenzjoni:
· lit-tmexxija u direzzjoni fejn jidħlu inizjattivi u proġetti tal-gvern elettroniku;
· l-iżvilupp ta’ strateġiji li jinkoragixxu lill-pubbliku jagħmel użu aktar mis-servizzi elettroniċi;
· għall-użu tat-teknoloġija biex jiġu mibdula u ttrasformati l-metodi u strutturi tradizzjonali tad-dipartimenti; u
· lit-twaqqif ta’ sistemi ta’ informazzjoni u metodi oħra li permezz tagħhom jiġu mmonitorjati perjodikament u fl-istess ħin imtejba t-tip ta’ servizzi offruti online.
L-Uffiċċju għamel servej preliminarju fl-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) immirat l-aktar fuq ix-xogħol li din twettaq fl-industrija tal-kostruzzjoni. Minkejja x-xogħol li għamlet biex ikun hemm aktar għarfien tar-regolamenti fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż f’din l-industrija, in-nuqqas ta’ riżorzsi disponibbli rrendew lill-Awtorità f’istituzzjoni reattiva aktar milli waħda proattiva fl-attivitajiet tagħha.
DOI 09.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958