għotja TA’ 2,000 biljett lin-Nurseries tal-Football għal-logħba B’Kara FC vs. AC Milan
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum il-Ħamis 4 ta’ Jannar, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, u li ghaliha kienu preżenti wkoll is-Sur Victor Zammit, Chairman ta’ B’Kara F.C. plc, uffiċjali tal-Youth FA, kif ukoll rappreżentanti tal-Football Nurseries, l-Onor. Tonio Fenech ħabbar li l-Ministeru tal-Finanzi, permezz tan-National Lotteries Good Causes Fund, ħadet l-inizjattiva li tiffinanzja 2,000 biljett għal-logħba bejn B’Kara F.C. u AC Milan, sabiex dawn jippermettu lit-tfal tan-nurseries ikollhom l-opportunita’ jaraw logħba prestiġġjuża bħal din. Is-Sur Fenech fakkar li dan il-Fond għandu l-iskop li jintuża fost l-oħrajn għal attivitajiet ta’ sports, u din l-okkażjoni għandha tgħin biex tkompli trawwem lil dawn it-tfal.
Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet tqassmu l-biljetti lil kull nursery hekk kif kien tħabbar ftit tal-ġranet ilu. Il-biljetti, wara konsultazzjoni li saret bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Youth FA, tqassmu b’mod sistematiku bbażat fuq in-numru ta’ tfal li kull nursery għandha fuq il-kotba tal-Youth FA. Fil-fatt ittieħed kampjun fuq il-kategoriji tat-tfal taħt it-8 snin, l-10 snin, u t-12-il sena.
L-Onor. Tonio Fenech għamel appell sabiex it-tfal jiġu mħeġġa jattendu għal-logħba bit-track suit tan-nursery tagħhom u li jagħmlu l-briju li hemm bżonn waqt il-logħba. Huwa qal ukoll li għandu jkun hemm adult ma’ kull ghaxart itfal, filwaqt li fakkar li t-tfal ser ikunu allokati fl-area ta’ wara l-lasta taħt l-iscoreboard.
Tonio Fenech għalaq billi rringrazzja lil B’Kara FC tal-koperazzjoni, lil Youth FA ta’ l-organizzazzjoni, u lin-nurseries ta’ l-interess li ħadu f’din l-inizjattiva.
Waqt l-istess konferenza ta’l-aħbarijiet saru interventi wkoll mis-Sur Victor Zammit, Chairman ta’ B’Kara F.C. plc u mis-Sur Joe Micallef, Segretarju tal-Youth FA. Wara saret preżentazzjoni tal-biljetti lil kull rappreżentant tan-nurseries.
DOI 04.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958