ARRANGAMENTI TAT-TRASPORT PUBBLIKU GHAN-NOTTE MAGICA
“Minn eżerċizzju li twettaq mir-Research & Business Planning Unit ta’ l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu jirriżulta li aktar minn 20,000 persuna ma daħlux il-belt Valletta għan-Notte Bianca għaliex sabuha diffiċli li jaslu fil-kapitali. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jagħmel ħiltu biex dan ma jerġax jiġri u biex kulmin ikun irid jipparteċipa fin-Notte Magica, li ser tkun organizzata fil-belt Valletta nhar is-Sibt li ġej, isib il-mezzi tat-trasport biex jasal.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta, flimkien ma’ Dr Paul Borg Olivier, is-Sindku tal-Belt u rappreżentant ta’ NnG indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Kavallier ta’ San Gakbu, dwar arranġamenti għat-trasport pubbliku għas-serata ta’ Notte Magica.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li mill-istħarriġ li tmexxa mill-Awtorità tat-Turiżmu dwar in-Notte Bianca jirriżulta li 26.6 fil-mija biss għamlu użu mit-trasport pubbliku. Hu qal li biex aktar nies jipparteċipaw f’attivitajiet tal-massa fil-belt Valletta kien meħtieġ li tinqaleb din ix-xejra billi aktar nies jitħajjru jutilizzaw it-trasport pubbliku. Hu qal li kien għalhekk li kienu qed isiru arranġamenti biex it-trasport pubbliku mill-Belt jibqa’ sas-2.30a.m. tas-7 ta’ Jannar, biex ikun hemm termini temporanji tal-karrozzi tal-linja u li jitwettqu vjaġġi extra skond il-ħtieġa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li biex jinkoraġixxu lill-poplu juża aktar it-trasport pubbliku l-biljetti tal-karozza tal-linja għal dik il-lejla ser ikun abbinati ma’ lotterija bi tliet premjijiet ta’ Lm600, Lm300 u Lm100 rispettivament.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li ser ikun hemm ukoll vjaġġi permezz tal-laneċ bejn ix-Xatt tas-Sliema u Marsamxett u bejn ix-Xatt tal-Birgu u l-belt Valletta, ħdejn Ta’ Liesse. Hu qal li saru wkoll arranġamenti biex l-aħħar vjaġġ tal-vapur ta’ Għawdex miċ-Ċirkewwa jkun f’nofs il-lejl.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li wara li ġiet organizzata n-Notte Bianca tgħallimna ħafna minn dak kollu li seta’ jitjieb dejjem iżjed fl-14 ta’ Ottubru. Hu qal li kien jemmen li dan se jkun indirizzat bl-iskop li l-organizzazzjoni ta’ Notte Magica tkun waħda mill-aqwa.
Il-Ministru Zammit Dimech awgura li Notte Magica tkun attività oħra li mhux biss tiġbed lill-poplu Malti u Għawdxi lejn il-Belt iżda tikkontribwixxi biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-festa ta’ l-Epifanija, it-Tre Re.
DOI 03.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958