Left arrow Go Back

TITĦABBAR SEJĦA GĦALL-PROPOSTI GĦAL ĊENTRU ĠDID TAL-KONVENZJONIJIET U ESIBIZZJONIJIET TA’ MALTA

PR1776
Date Icon 29/12/2006

Il-Gvern dal-għodu ħabbar il-ħruġ ta’ sejħa għall-proposti għall-iżvilupp ta’ Ċentru ġdid tal-Konvenzjonijiet u Esibizzjonijiet ta’ Malta. Id-dettalji kif ukoll l-isfond ta’ din is-sejħa ngħataw dal-għodu waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett u l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino.

Is-sejħa għall-proposti għaċ-Ċentru tal-Konvenzjonijiet u Esibizzjonijiet ta’ Malta ħarġet mill-Action Plan ta’ Ta’ Qali li kien ippubblikat mill-MEPA fis-sena 2000 u amendat aktar kmieni din is-sena. L-Action Plan kien, fil-fatt jidentifika sit preċiż biswit l-istadium ta’ Ta’ Qali fejn dan iċ-Ċentru seta’ jiġi żviluppat.

“Ta’ Qali huwa post ċentrali milħuq faċilment mill-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija. Dan huwa punt kruċjali meta jiġi ppjanati attivitajiet kbar li jridu jilħqu ammont kbir ta’ nies minn kull naħa ta’ Malta.

“Is-sit ma jmissx u mhuwiex qiegħed fil-viċinanza immedjata ta’ żoni residenzjali, għaldaqstant ma joħloqx problemi ta’ storbju, parkeġġ jew traffiku lir-residenti fil-viċin. Hemm xi konsiderazzjonijiet li jridu jittieħdu dwar il-possibbiltà ta’ xi traffiku li jista’ jiġi ġġenerat f’Ħ’Attard iżda dawn jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ sistema effiċjenti għall-immaniġġjar tat-traffiku u aktar titjib fin-network tat-toroq madwar Ta’ Qali. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi wkoll il-miżuri meħtieġa biex jitnaqqas l-impatt minn fuq Ħ’Attard,” qal il-Ministru Pulliċino.

Il-Pjan t’Azzjoni tal-MEPA kien jitlob li jinbena Ċentru għall-Konvenzjonijiet bl-amenitajiet kollha li ma jistax jinkludi akkomodazzjoni residenzjali temporanja jew permanenti. Il-parti mibnija ma tistax tokkupa aktar minn 32% tas-sit bl-istrutturi fuqha li ma jistgħux ikunu ogħla minn 10 metri mil-livell preżenti ta’ l-art. Il-Pjan jitlob ukoll standard għoli t’arkitettura, li tinbena ring-road ġdida, li jinbena parkeġġ taħt l-art b’diversi livelli u li jsir landscaping estensiv ta’ l-inħawi.

Il-Ministru Mugliett spjega li sabiex jiżgura transparenza u fairness il-Gvern iddeċieda li joħroġ sejħa għall-proposti għall-iżvilupp ta’ Ċentru ta’ Esibizzjonijiet u Konvenzjonijiet. Hu qal li dan iċ-Ċentru ġdid huwa meħtieġ minħabba li ċ-ċens fuq l-art taċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar jagħlaq fil-31 ta’ Lulju 2007 u ma hemmx il-possibilità li dan iċ-ċens jiġġedded.

Is-sit propost huwa mifrux fuq medda ta’ 92,921 metru kwadru, b’ 77,980 metru kwadru jistgħu jiġu żviluppati u l-14,141 metru kwadru li jibqgħu jintużaw għall-parkeġġ taħt l-art.

“F’din is-sejħa ppruvajna inkunu flessibbli kemm jista’ jkun ma’ l-iżviluppaturi prospettivi tant li tajna għażla ta’ tliet termini għaċ-ċens fuq l-art: 35 sena, 49 sena jew 65 sena. Is-sejħa torbot ukoll lill-iżviluppatur li jlesti l-iżvilupp minn kollox sa’ 36 xahar minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt tal-konċessjoni fuq l-art. Ma’ l-għeluq taċ-ċens l-operatur irid jgħaddi lura s-sit u l-binjiet fuqu lura lill-Gvern,” qal il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.

Hu semma wkoll li l-iżvilupp ser ikun jeħtieġ il-bini ta’ parkeġġ ġdid b’diversi livell f’sit bħala parkeġġ mill-Malta Football Association (MFA) għall-istadium. Għal dan intlaħaq qbil ma’ l-MFA biex il-konċessjoni li għandha bħal issa fuq dan is-sit tinħall sabiex issir waħda ġdida, b’wieħed mis-sulari tal-parkeġġ il-ġdid imur lura għand l-Assoċazzjoni sa’ sentejn wara li jiġi iffirmat il-kuntratt ma’ l-iżviluppatur magħżul.

Il-Ministru Mugliett spjega wkoll li is-sejħa għall-proposti ser tkun tinkludi wkoll proviżjonijiet biex dan l-iżvilupp ikun jinkludi faċilitajiet għall-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali, tal-Parlament Ewropew u dik Ġenerali. Saħaq iżda li dawn il-faċilitajiet mhux ser ikunu disponibbli għall-Elezzjonijiet Ġenerali li jmiss u għal dawn qed isiru arranġamenti alternattivi.

Is-sejħa għall-offerti ser tiġi ppubblikata l-ġimgħa d-dieħla bil-perjodu tas-sottomissjonijiet jibqa’ miftuħ għal 10 ġimgħat. L-aġġudikazzjoni ser tieħu 8 ġimgħat biex, f’każ li ma jkunx hemm ħtieġa għal arbitraġġ, tkun tista’ tintefa applikazzjoni għal Outline Development Permit quddiem il-MEPA f’Ġunju 2007. Il-ħruġ ta’ dan il-permess mill-MEPA ser iservi ta’ bażi biex jitlesta l-kuntratt li imbagħad irid jiġi approvat b’riżoluzzjoni Parlamentari f’Novembru/Diċembru 2007. Ma’ l-iffirmar tal-kuntratt tintefa’ Full Development Application quddiem il-MEPA biex l-iżvilupp tas-sit jkun jista’ jibda f’Awissu 2008. Iċ-Ċentru l-ġdid għandu jibda’jitħaddem f’Jannar 2009.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow