TKOMPLI L-GĦAJNUNA U L-APPOĠĠ LILL-QASAM TAS-SAJD
Waqt attività soċjali organizzata mill-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Dr Francis Agius, tkellem dwar l-importanza ta’ l-industrija tas-Sajd f’pajjiżna kif ukoll l-għajnuna li l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti lil dan is-settur. Hu fakkar dwar l-impenn li l-Gvern qiegħed iwettaq fuq diversi sfidi li qed jiltaqgħu magħhom s-sajjieda, fosthom il-kwistjoni tal-kwota tal-qbid tat-tonn.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Kooperattiva, is-Sur Raymond Bugeja irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari tal-ħidma li qed issir b’risq is-sajjieda Maltin u Għawdxin. Il-President tal-Kooperattiva kompla billi rringrazzja lill-Gvern tal-fiduċja u l-appoġġ li qiegħed jagħti lil dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Francis Agius ippreżenta ċekk ta’ Lm72,342 lill-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ltd. bħala għajnuna mill-programm ta’ għajnuniet lis-sajjieda. Dr Agius irrefera ukoll għal programm ta’ għajnuna dwar l-istrutturar tal-flotta. Minn dan il-programm is-sajjieda Maltin u Għawdxin diġà bbenefikaw f’iktar minn Lm 1.79 miljun liri Maltin. Dawn l-għajnuniet huma intiżi biex itejbu l-effiċjenza u l-kompetittività tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Għal din is-serata, attendew mijiet ta’ sajjieda u l-familjari tagħhom fosthom membri taż-żewġ kooperattivi tas-sajd li huma Il-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ltd. u l-Għaqda Kooperattiva tas-Sajd Ltd.
Preżenti wkoll kien hemm rappreżentanti mill-qasam ta’ l-Akwakultura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958