KANTANTA ŻAGĦŻUGĦA GĦAL TAĦRIĠ VOKALI FL-ISTATI UNITI
Christabelle Borg ta’ 14-il sena ser tmur San Francisco fl-Istati Uniti biex tirrekordja materjal mużikali ġdid taħt it-tmexxija ta’ producers li ħadmu ma’ numru ta’ kantanti stabbiliti u kantanti ġodda. Permezz ta’ din il-ħidma Christabelle qed tispera li jkollha suċċess fil-qasam internazzjonali bħala ‘pop star’ żagħżugħa.
Christabelle Borg is-sajf li għadda kienet Los Angeles fl-Istati Uniti fejn ipparteċipat fi Programm Vokali tas-Sajf minn Seth Riggs. Hi ħadet sehem f’dan il-programm wara kompetizzjoni tal-kant organizzata mill-Malta Academy of Performing Arts f’Ġunju li għadda. Hi ntagħażlet minn fost numru ta’ kantanti żgħar mill-coaches CeCe Sammy u John Medi li ġew Malta apposta. Fl-Istati Uniti, Christabelle ħadet sehem f’taħditiet u workshops li tmexxew minn professjonisti fil-qasam mużikali.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura qed jgħin finanzjarjament fiż-żjara ta’ Christabelle Borg f’San Francisco. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern jemmen li l-futur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna hu f’idejn iż-żgħażagħ tagħna. Hu qal li kien għalhekk li l-Gvern iħoss li għandu jgħin fit-taħriġ u l-iżvilupp artistiku u kulturali ta’ dawn iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar snin kien hawn qawmien kulturali ġdid li kien anke xprunat mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u l-orizzonti ġodda li din l-istess sħubija ġabet għal tant artisti Maltin. Hu qal li ż-żgħażagħ tagħna llum jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea li qabel ma kienux miftuħin għalina.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lil Christabelle u awguralha kull suċċess fil-karriera tagħha bħala kantanta.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958