TERZ TAL-PROGRAMM TA’ BINI TA’ TOROQ RESIDENZJALI 2006-2008 FIL-PROĊESS LI JITWETTAQ
L-Awtorità dwar it-Trasport dal-għodu assenjat 22 lot ta’ toroq residenzjali lil daqstant kuntratturi fil-bini tat-toroq, biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ 70 triq residenzjali fi 22 lokalità differenti, li jidhru fil-programm ta’ bini ta’ 450 triq, li kien ippubblikat f’Awissu. Ix-xogħlijiet setgħu jingħataw wara li dawn il-kuntratturi kienu tefgħu l-offerta tagħhom biex jaħdmu fuq bażi ta’ period contract.
F’diskors qasir qabel ittellgħu il-poloz, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-aġġudikazzjoni ta’ dawn il-period contracts ifisser bidla radikali kif jsir il-bini ta’ toroq residenzjali.
“Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport li qed jinħareġ volum daqshekk kbir ta’ xogħol f’daqqa. Fil-fatt b’Lm1.2 miljun lira xogħlijiet f’toroq residenzjali normalment kienu jingħataw fuq tul ta’ tmien xhur,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu żied jgħid li l-bini ta’ daqstant toroq ser ikun jista’ jibda f’daqqa f’nofs Jannar minħabba li s-sejħa għall-offerti għal dawn il-period contracts ġibdet interess sostanzjali.
“L-interess f’dawn il-period contracts minn dawn il-kuntratturi kollha jawgura tajjeb għat-tlestija tal-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008. Fil-fatt is-sejħa għall-offerti saħansitra ġibdet l-interess ta’ kuntratturi li huma ġodda għal dan it-tip ta’ xogħol. Dan jixhed li l-istakeholders ewlenin qed jieħdu dan il-programm bis-serjetà li xtaq jara l-Gvern. Nawgura għalhekk li dawn il-kuntratturi kollha jkunu sħab denji tagħna matul il-programm kollu,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu saħaq ukoll li l-Gvern mhux ser jaċċetta telf ta’ żmien jew xogħol ħażin fuq dawn ix-xogħlijiet.
“Il-mekkaniżmu li ser jitħaddmu bih il-period contracts waħdu ser jiżgura li x-xogħlijiet jitlestew malajr u skond il-kwalità mitluba. Dan għaliex min mhux ser ilesti fil-ħin jew jagħmel xogħol ħażin mhux ser jieħu lott ieħor wara dan u jinqata’ ’l barra mill-proċess.”
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid: “Il-madwar 70 triq li ser isiru b’dawn it-22 period contract jiżdiedu mal-madwar 100 triq residenzjali oħra li t-tenders għax-xogħol fihom kienu nħarġu fl-aħħar xhur. Dan ifisser li aktar minn terz tal-450 triq li jidhru fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 ikunu jew inbnew jew fil-proċess li jinbnew. Dan ser iwassal ukoll biex xi rħula bħal Ħal Safi, l-Imtarfa u s-Siġġiewi jidħlu fil-lista ta’ lokalitajiet li m’għandhomx iktar xogħol ta’ toroq residenzjali xi jsir fihom.”
Il-period contracts għal xogħlijiet f’toroq residenzjali setgħu jinħarġu wara li ntlaħaq ftehim mal-Federazzjoni ta’ l-Industriji f’isem il-kuntratturi dwar ir-rati ta’ ħlas għal xogħlijiet bħal dawn.
Nhar it-Tlieta ġew offruti 19-il lott b’valur ta’ madwar Lm60,000 kull wieħed u 3 lottijiet oħra b’valur ta’ Lm33,000. Dawn it-22 lott ittellgħu bil-polza fil-preżenza tat-22 kuntratturi li tefgħu l-offerti għall-period contracts wara sejħa għall-offerti. Dawn il-kuntatturi għandhom l-obbligu li jibgħatu l-foremen tagħhom għal kors fil-kostruzzjoni tat-toroq. Dan il-kors ser ikun it-tieni tax-xorta tiegħu li jsir wara l-ewwel wieħed li kien sar aktar kmieni din is-sena. Għal darb’oħra l-parti prattika tal-kors ser tkun tinvolvi l-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa fil-limiti tal-Fgura.
It-terminu ta’ dawn ix-xogħlijiet ivarja bejn xaharejn u erba’ xhur, skond id-daqs tal-kuntratt.
Il-Ministru Mugliett temm jgħid: “Il-ħruġ ta’ dawn il-kuntratti huwa pass kruċjali ieħor fil-mixja lejn it-twettiq tal-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 – programm li l-għan ewlieni tiegħu huwa t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni u familji li jgħixu f’dawn l-450 triq.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958