Left arrow Go Back

TERZ TAL-PROGRAMM TA’ BINI TA’ TOROQ RESIDENZJALI 2006-2008 FIL-PROĊESS LI JITWETTAQ

PR1764
Date Icon 26/12/2006

L-Awtorità dwar it-Trasport dal-għodu assenjat 22 lot ta’ toroq residenzjali lil daqstant kuntratturi fil-bini tat-toroq, biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ 70 triq residenzjali fi 22 lokalità differenti, li jidhru fil-programm ta’ bini ta’ 450 triq, li kien ippubblikat f’Awissu. Ix-xogħlijiet setgħu jingħataw wara li dawn il-kuntratturi kienu tefgħu l-offerta tagħhom biex jaħdmu fuq bażi ta’ period contract. 

F’diskors qasir qabel ittellgħu il-poloz, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-aġġudikazzjoni ta’ dawn il-period contracts ifisser bidla radikali kif jsir il-bini ta’ toroq residenzjali. 

“Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport li qed jinħareġ volum daqshekk kbir ta’ xogħol f’daqqa. Fil-fatt b’Lm1.2 miljun lira xogħlijiet f’toroq residenzjali normalment kienu jingħataw fuq tul ta’ tmien xhur,” qal il-Ministru Mugliett. 

Hu żied jgħid li l-bini ta’ daqstant toroq ser ikun jista’ jibda f’daqqa f’nofs Jannar minħabba li s-sejħa għall-offerti għal dawn il-period contracts ġibdet interess sostanzjali.  

“L-interess f’dawn il-period contracts minn dawn il-kuntratturi kollha jawgura tajjeb għat-tlestija tal-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008. Fil-fatt is-sejħa għall-offerti saħansitra ġibdet l-interess ta’ kuntratturi li huma ġodda għal dan it-tip ta’ xogħol. Dan jixhed li l-istakeholders ewlenin qed jieħdu dan il-programm bis-serjetà li xtaq jara l-Gvern. Nawgura għalhekk li dawn il-kuntratturi kollha jkunu sħab denji tagħna matul il-programm kollu,” qal il-Ministru Mugliett.  

Hu saħaq ukoll li l-Gvern mhux ser jaċċetta telf ta’ żmien jew xogħol ħażin fuq dawn ix-xogħlijiet. 

“Il-mekkaniżmu li ser jitħaddmu bih il-period contracts waħdu ser jiżgura li x-xogħlijiet jitlestew malajr u skond il-kwalità mitluba. Dan għaliex min mhux ser ilesti fil-ħin jew jagħmel xogħol ħażin mhux ser jieħu lott ieħor wara dan u jinqata’ ’l barra mill-proċess.” 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid: “Il-madwar 70 triq li ser isiru b’dawn it-22 period contract jiżdiedu mal-madwar 100 triq residenzjali oħra li t-tenders għax-xogħol fihom kienu nħarġu fl-aħħar xhur. Dan ifisser li aktar minn terz tal-450 triq li jidhru fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 ikunu jew inbnew jew fil-proċess li jinbnew. Dan ser iwassal ukoll biex xi rħula bħal Ħal Safi, l-Imtarfa u s-Siġġiewi jidħlu fil-lista ta’ lokalitajiet li m’għandhomx iktar xogħol ta’ toroq residenzjali xi jsir fihom.” 

Il-period contracts għal xogħlijiet f’toroq residenzjali setgħu jinħarġu wara li ntlaħaq ftehim mal-Federazzjoni ta’ l-Industriji f’isem il-kuntratturi dwar ir-rati ta’ ħlas għal xogħlijiet bħal dawn.

Nhar it-Tlieta ġew offruti 19-il lott b’valur ta’ madwar Lm60,000 kull wieħed u 3 lottijiet oħra b’valur ta’ Lm33,000. Dawn it-22 lott ittellgħu bil-polza fil-preżenza tat-22 kuntratturi li tefgħu l-offerti għall-period contracts wara sejħa għall-offerti. Dawn il-kuntatturi għandhom l-obbligu li jibgħatu l-foremen tagħhom għal kors fil-kostruzzjoni tat-toroq. Dan il-kors ser ikun it-tieni tax-xorta tiegħu li jsir wara l-ewwel wieħed li kien sar aktar kmieni din is-sena. Għal darb’oħra l-parti prattika tal-kors ser tkun tinvolvi l-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa fil-limiti tal-Fgura. 

It-terminu ta’ dawn ix-xogħlijiet ivarja bejn xaharejn u erba’ xhur, skond id-daqs tal-kuntratt. 

Il-Ministru Mugliett temm jgħid: “Il-ħruġ ta’ dawn il-kuntratti huwa pass kruċjali ieħor fil-mixja lejn it-twettiq tal-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 – programm li l-għan ewlieni tiegħu huwa t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni u familji li jgħixu f’dawn l-450 triq.” 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow