Left arrow Go Back

MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI

PR1763
Date Icon 24/12/2006

Għeżież ħuti Maltin u Għawdxin,  

Huwa dmir u wkoll pjaċir tiegħi li f’okkażjoni sabiħa bħal din nirringrazzjakom minn qalbi għall-kontribut li tajtu lkoll flimkien biex pajjiżna seta’ jkompli miexi fit-triq tal-progress. Dan ir-ringrazzjament ifisser li lkoll kemm aħna nirrikonoxxu s-sehem li tajna b’modi differenti, skond ħiliet varji, imma dejjem bi skop wieħed. Issa li għaddiet sena oħra, inħarsu lura u nifirħu li d-dmir tagħna għamilnieh għall-ġid ta’ kulħadd.    

F’dan l-istaġun niċċelebraw il-ferħ, ir-rieda tajba, it-tolleranza, il-paċi u l-ftehim, il-kwalitajiet li aħna nixtiequ lil kulħadd is-sena kollha, u bħalissa b’mod speċjali.  Huwa ż-żmien li napprezzaw aktar lill-familji tagħna, lill-qraba, lill-ħbieb u fuq kollox lil dawk fostna li għandhom l-akbar bżonn ta’ l-għajnuna u tas-solidarjetà tagħna. Dawn il-festi jistidnuna biex nissaħħu aktar fl-għazla tagħna favur il-ġid komuni, ġid li jolqot lill-individwu u lis-socjetà. Ir-rigali li f’dan iż-żmien aħna nagħtu lil xulxin huma eżempju wieħed biss tar-rigal li bir-rieda tajba tagħna, bis-sehem tagħna, aħna nagħtu lil xulxin u lis-socjetà matul is-sena kollha. Fuq din il-kultura ta’ rispett nibnu kull sular ieħor ta’ avvanz f’qasam jew f’ieħor.     

Dan ifisser li aktar ma nkabbru u ma nwessgħu l-kompetenzi tagħna aktar nistgħu noħolqu socjetà li fiha kulħadd għandu s-sehem uniku u validu x’jagħti. Socjetà li fiha kulħadd hu stmat u apprezzat. Aħna, forsi aktar minn nazzjonijiet wisq akbar minna, għandna l-opportunità li fiċ-ċokon nistgħu nibnu komunità fejn kulħadd iħoss ruħu tassew mixtieq, meħtieġ u utli. Mid-dinja ta’ l-iskola u tat-tagħlim permanenti sad-dinja ta’ kull tip ta’ xogħol, aħna rridu naraw li kollox huwa mibni fuq il-kollaborazzjoni, fuq il-ħila tagħna li naqsmu bejnietna l-ħiliet differenti li jagħżluna minn xulxin u li fl-istess ħin iressquna lejn xulxin. 

Dan kollu, illum wisq aktar minn qatt qabel, iwassalna biex inkomplu nirriflettu fuq x’inhu li jagħmilna tassew Maltin fi ħdan il-komunità Ewropea u dinjija. Bħala membri fl-Unjoni Ewropea nafu li aħna sħab ma’ oħrajn li aħna bħalhom, u huma bħalna, nazzjon. Fuq l-għarfien dejjem aktar matur ta’ x’inhu li jagħmilna nazzjon aħna nistgħu nimxu fit-triq ta’ l-apprezzament ta’ dak kollu li lil Malta tagħna jagħmilha dak li hi. Ilkoll, fl-iskola, fix-xandir, fil-hajja soċjali, fil-politika, fid-divertiment, aħna rrridu nkomplu nsaħħu dawk il-kwalitajiet li jikkaratterizzawna u li jagħtuna dinjità madwar il-mejda tad-diskussjoni internazzjonali, fil-postijiet kollha fejn pajjiżna jidher bħala nazzjon. 

Ninsabu fi żminijiet ta’ tibdil kbir u mgħaġġel. Il-futur huwa mimli sfidi ġodda. Aħna u nżommu l-wirt tagħna, aħna nħarsu wkoll lejn l-isfidi ġodda li żmien ġdid, modern, qiegħed jippreżentalna. It-tibdil li qiegħed isir fid-dinja jolqot lilna mill-qrib, kemm biex nitgħallmu nippreżervaw dak li għandna nkomplu nżommu, u kemm biex intejbu l-ħiliet tagħna li nadattaw ruħna bi ħsieb u b’responsabbiltà, biex nimmodernizzaw ruħna f’dak kollu li huwa ta’ ġid għal kulħadd, skond l-esiġenzi ta’ dan is-seklu teknoloġiku.  

Ilkoll nammettu li għamilna progressi kbar f’din it-triq, u bir-rieda tajba tagħna lkoll għandna kull garanzija li dan it-titjib jitkompla. Bla ma ninsew id-diffikultajiet, bla ma nibqgħu lura fil-pass li jseħibna mal-pajjiżi l-oħra, aħna nħarsu ’l quddiem u nifirhu li aħna poplu li kellu u għad għandu ħafna u ħafna kwalitajiet sbieħ. Huma kwalitajiet sbieħ li writna minn ta’ qabilna, u huma kwalitajiet li aħna stess żammejna u żviluppajna, b’sens ta’ lealtà u ta’ aġġornament. Dawn huma kollha affarijiet li għandhom iferrħuna li bħala Maltin wassalna lil pajjiżna sa l-ogħla postijiet fl-istorja, sa livell għoli ta’ għajxien, u sa dak kollu li għandna bżonn biex dejjem aktar ikollna socjetà li fiha huwa inkluż kulħadd.  

Dan huwa ż-żmien, aktar minn kull żmien ieħor matul is-sena, li fih nifirħu u nferrħu lil ħaddieħor. Bħala familja waħda, inħarsu lura u napprezzaw kulma rnexxielna niksbu għal pajjiżna, waqt li nħarsu wkoll ’il quddiem b’fiduċja kbira fil-kapaċitajiet diversi tagħna li, jekk il-Bambin irid, iwassluna biex nilħqu l-miri li għandna fuq l-aġenda nazzjonali.  

Nawgura lilkom u l-familji tagħkom l-isbaħ xewqat għal dawn iż-żminijiet ta` festi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow