MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Iż-żmien ta’ bilħaqq jgerbeb. Għat-tielet darba qed nieħu gost li għandi din l-opportunità li nidħol fi djarkom u nindirizzakom f’dan iż-żmien sabiħ tal-Milied.
Nixtieq niftaħ ftit qalbi magħkom u ngħid kemm inħossni sodisfatt li ġejt magħżul biex nokkupa din il-kariga għal ħames snin. Kariga ta’ responsabbilità li tagħtik ħafna sodisfazzjon. L-ikbar sodisfazzjon hu li taf li kull fejn tmur qed tirrappreżenta lilkom: il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Ippruvajt u qed nipprova naqdi dan id-dmir bl-aħjar mod illi nista’. Kelli okkażjoni nirrapreżenta Malta meta ġejt mistieden biex nagħmel viżiti statali fi tlett pajjiżi. Mort it-Tuneżija: pajjiż viċin, pajjiż mediterranju, pajjiż ħabib, pajjiż li għal ħafna sekli kellna relazzjonijiet diretti miegħu ta’ poplu ma’ poplu. Ħadt pjaċir nara l-istima u l-inkoraġġiment li bih iħarsu lejna l-poplu tat-Tuniżija mill-President ’l isfel. Kelli okkażjoni nagħmel viżita statali f’żewġ pajjiżi li sa ftit żmien ilu kienu pajjiżi maħkuma minn dittatura, dittatura komunista. Mort il-Latvja. Il-Latvja li bħalna saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea u diġà f’dawn is-sentejn li għaddew għamlet passi kbar ’l quddiem biex il-livell soċjali, il-livell ta’ l-għejxien tal-poplu tagħha kiber u kiber sew. Rajt pajjiż li diġà huwa magħruf mill-Maltin u ħadt pjaċir nara li ġew miegħi f’din il-viżita statali, persuni, imprendituri Maltin li diġà investew f’dan il-pajjiż u llum għandna relazzjonijiet tajba ħafna miegħu.
Kelli okkażjoni mmur f’pajjiż ieħor: il-Kroazja. Il-Kroazja li taspira li fi żmien qasir hija wkoll ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea u erġajt sibt interess u ammirazzjoni kbira għalina, għal Poplu Malti u Għawdxi li għarafna fl-imgħoddi nagħmlu ħilitna biex naraw lill-poplu kollu jimxi ’l quddiem. Ħassejtni kburi ħafna nirrapreżentakom.
L-ikbar sodisfazzjoni, naħseb li kien meta mort nindirizza l-Parlament ta’ l-Ewropa. Kont l-ewwel fost il-kapijiet ta’ Stat ta’ l-għaxar membri ġodda fl-Unjoni Ewropea li għamilt dan. U tkellimt fuq Malta. Tkellimt fuq il-prinċipji li aħna nemmnu fihom. Tkellimt fuq l-aspirazzjonijiet li għandu l-Poplu Malti. Kemm aħna kburin li nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea u rridu nagħtu sehemna biex naraw il-paċi ssaltan, naraw id-demokrazija tikber, naraw is-solidarjetà titwettaq f’kull pajjiż. Verament ħassejtni kburi li jiena Malti li jiena President tal-Maltin u l-Għawdxin.
Ħadt pjaċir nilqa’ fostna l-President ta’ l-Irlanda, li ġiet hawn u rat is-somiljanzi, kemm hemm affarijiet komuni bejna u bejn il-Poplu tagħha. Tul is-snin kellna relazzjonijiet tajba ħafna u dawk ir-relazzjonijiet tjiebu ħafna iżjed meta aħna dħalna wkoll fl-Unjoni Ewropea. Kelli okkażjoni mmur l-Ungerija meta tfakkar il-ħamsin anniversarju ta’ l-irvellijiet li kienu ġraw fis-sena elf disa’ mija sitta u ħamsin. Ftakart, jiena kont student fl-università dak iż-żmien, kemm segwejna b’entużjażmu din l-ewwel rewwixta, l-ewwel rivoluzzjoni qawwija kontra s-sistema komunista li spiċċat sfortunatament billi kien hemm intervent u r-rivoluzzjoni ġiet fix-xejn.
Ħadt pjaċir nirrapreżentakom f’dawn l-okkażjonijiet kollha. Ħadt pjaċir ngħid illi l-poplu Malti tagħna huwa kburi u nuri x’inhuma t-tradizzjonijiet tagħna. Tradizzjonijiet li jmorru lura eluf ta’ snin. Kultura li hija l-qofol, li hija dak kollu li jirrapreżentaw il-kulturi kollha li għaddew mill-mediterran tul is-snin. Il-kultura tagħna li tirrifletti ruħha fil-valuri etiċi ta’ pajjiżna: dan il-pajjiż iż-żgħir tagħna li kiseb isem fl-istorja, fl-istorja u rrid ngħid, xi ħaġa li kultant ninsew, fl-istorja tas-salvazzjoni. Malta li tissemma fil-kotba mqaddsa fl-Atti ta’ l-Appostli.
Meta ssemmi dawn l-affarijiet u tgħid min aħna aħna l-Maltin verament tikseb l-ammirazzjoni ta’ ħafna. Ħadt pjaċir nirrapreżenta l-Maltin u l-Għawdxin kollha f’okkażjonijiet hawn Malta stess, per eżempju meta mort ninawgura f’Ħaż-Żabbar monument lil unika mara li saret President ta’ Malta s’issa: il-mibkija Agatha Barbara. Ħadt pjaċir ninawgura monument fiż-Żurrieq lil ex-Ministru Carmelo Caruana li kien bniedem iddedikat żgur biex jikseb il-ġid għall-poplu tagħna. Ħadt pjaċir immur Għawdex u ninawgura monument lil Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni. L-uniku Papa li ġie Malta, ġie darbtejn jżurna f’Malta rispettat mid-dinja kollha. Kont preżenti għal funeral tiegħu u naħseb li l-memorja li issa tiġġedded kull meta mmorru Għawdex fit-triq int u sejjer lejn San Lawrenz hemmhekk tara l-figura kbira ta’ dan il-Papa, nerġa’ ngħid illi żgur li nfluwenza l-istorja tad-dinja kollha.
Ħadt pjaċir niltaqa’ magħkom, fid-diversi żjarat li għamilt fil-Kunsilli Lokali. Jiena qed niskopri kemm hemm x’titgħallem fuqna l-Maltin. Kultant naħsbu li nafu kollox fuqna nfusna, imma mhux hekk. Kull darba illi żżur Kunsilli Lokali tiltaqa’ per eżempju ma dawk il-ħafna għaqdiet. Għaqdiet ta’ volontarjat li tant qed jagħmlu ġid f’pajjiżna. Għaqdiet li għadhom b’saħħithom, li qed joktru, u l-esperjenza tiegħi f’dawn il-laqgħat mal-Kunsilli Lokali kienet dejjem waħda pożittiva u pożittiva ħafna u nħeġġeġ illi kull lokalità tagħna tibqa’ tibni dawk ir-relazzjonijiet bejn il-poplu li jgħix hemmhekk, dawk ir-relazzjonijiet ta’ solidarjetà, dawk il-kwalitajiet li jagħmlu komunjoni vera.
Is-sena li għaddiet forsi kienet sena li nistgħu ngħidu ma kellniex fiha disturbi kbar. Li kienet sena pjuttost ta’ armonija. Hekk nixtiequ li pajjiżna jimxi ’l quddiem f’armonija. Jidher li l-pajjiż miexi ’l quddiem mhux mingħajr sforzi. Jibqa’ dejjem id-djalogu ħaj, qawwi li tirrikjedi kull demokrazija. Inħarsu ’l quddiem b’kuraġġ.
Diffikultajiet għad hemm, biżżejjed induru dawra lejn l-ibħra ta’ madwarna, naraw x’ġara ftit ġimgħat ilu, ftit xhur ilu fil-Lebanon. Naraw x’ġara u x’għadu jiġri fil-Palestina. It-traġedja tal-Poplu Palestinjan. Hemm bżonn li nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ, nagħtu sehemna biex niksbu l-paċi mhux biss għalina imma għal mal-poplu ta’ madwarna aħna wkoll.
Nawgura lilkom lkoll fi djarkom li jkollkom Milied ħieni. Milied ħieni partikolarment fil-familji tagħkom. J’Alla ngawdu din l-hena fil-ġranet tal-Milied u j’Alla s-sena l-ġdida tkun sena mimlija risq u barka għal kulħadd.
Insellmilkom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958