Left arrow Go Back

MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI

PR1762
Date Icon 24/12/2006

Ħuti Maltin u Għawdxin,  

Iż-żmien ta’ bilħaqq jgerbeb. Għat-tielet darba qed nieħu gost li għandi din l-opportunità li nidħol fi djarkom u nindirizzakom f’dan iż-żmien sabiħ tal-Milied. 

Nixtieq niftaħ ftit qalbi magħkom u ngħid kemm inħossni sodisfatt li ġejt magħżul biex nokkupa din il-kariga għal ħames snin. Kariga ta’ responsabbilità li tagħtik ħafna sodisfazzjon. L-ikbar sodisfazzjon hu li taf li kull fejn tmur qed tirrappreżenta lilkom: il-Maltin u l-Għawdxin kollha.  

Ippruvajt u qed nipprova naqdi dan id-dmir bl-aħjar mod illi nista’.  Kelli okkażjoni nirrapreżenta Malta meta ġejt mistieden biex nagħmel viżiti statali fi tlett pajjiżi. Mort it-Tuneżija: pajjiż viċin, pajjiż mediterranju, pajjiż ħabib, pajjiż li għal ħafna sekli kellna relazzjonijiet diretti miegħu ta’ poplu ma’ poplu. Ħadt pjaċir nara l-istima u l-inkoraġġiment li bih iħarsu lejna l-poplu tat-Tuniżija mill-President ’l isfel. Kelli okkażjoni nagħmel viżita statali f’żewġ pajjiżi li sa ftit żmien ilu kienu pajjiżi maħkuma minn dittatura, dittatura komunista. Mort il-Latvja. Il-Latvja li bħalna saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea u diġà f’dawn is-sentejn li għaddew għamlet passi kbar ’l quddiem biex il-livell soċjali, il-livell ta’ l-għejxien tal-poplu tagħha kiber u kiber sew. Rajt pajjiż li diġà huwa magħruf mill-Maltin u ħadt pjaċir nara li ġew miegħi f’din il-viżita statali, persuni, imprendituri Maltin li diġà investew f’dan il-pajjiż u llum għandna relazzjonijiet tajba ħafna miegħu.  

Kelli okkażjoni mmur f’pajjiż ieħor: il-Kroazja. Il-Kroazja li taspira li fi żmien qasir hija wkoll ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea u erġajt sibt interess u ammirazzjoni kbira għalina, għal Poplu Malti u Għawdxi li għarafna fl-imgħoddi nagħmlu ħilitna biex naraw lill-poplu kollu jimxi ’l quddiem.  Ħassejtni kburi ħafna nirrapreżentakom. 

L-ikbar sodisfazzjoni, naħseb li kien meta mort nindirizza l-Parlament ta’ l-Ewropa.  Kont l-ewwel fost il-kapijiet ta’ Stat ta’ l-għaxar membri ġodda fl-Unjoni Ewropea li għamilt dan. U tkellimt fuq Malta. Tkellimt fuq il-prinċipji li aħna nemmnu fihom. Tkellimt fuq l-aspirazzjonijiet li għandu l-Poplu Malti. Kemm aħna kburin li nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea u rridu nagħtu sehemna biex naraw il-paċi ssaltan, naraw id-demokrazija tikber, naraw is-solidarjetà titwettaq f’kull pajjiż. Verament ħassejtni kburi li jiena Malti li jiena President tal-Maltin u l-Għawdxin.  

Ħadt pjaċir nilqa’ fostna l-President ta’ l-Irlanda, li ġiet hawn u rat is-somiljanzi, kemm hemm affarijiet komuni bejna u bejn il-Poplu tagħha. Tul is-snin kellna relazzjonijiet tajba ħafna u dawk ir-relazzjonijiet tjiebu ħafna iżjed meta aħna dħalna wkoll fl-Unjoni Ewropea. Kelli okkażjoni mmur l-Ungerija meta tfakkar il-ħamsin anniversarju ta’ l-irvellijiet li kienu ġraw fis-sena elf disa’ mija sitta u ħamsin. Ftakart, jiena kont student fl-università dak iż-żmien, kemm segwejna b’entużjażmu din l-ewwel rewwixta, l-ewwel rivoluzzjoni qawwija kontra s-sistema komunista li spiċċat sfortunatament billi kien hemm intervent u r-rivoluzzjoni ġiet fix-xejn.  

Ħadt pjaċir nirrapreżentakom f’dawn l-okkażjonijiet kollha. Ħadt pjaċir ngħid illi l-poplu Malti tagħna huwa kburi u nuri x’inhuma t-tradizzjonijiet tagħna. Tradizzjonijiet li jmorru lura eluf ta’ snin. Kultura li hija l-qofol, li hija dak kollu li jirrapreżentaw il-kulturi kollha li għaddew mill-mediterran tul is-snin. Il-kultura tagħna li tirrifletti ruħha fil-valuri etiċi ta’ pajjiżna: dan il-pajjiż iż-żgħir tagħna li kiseb isem fl-istorja, fl-istorja u rrid ngħid, xi ħaġa li kultant ninsew, fl-istorja tas-salvazzjoni. Malta li tissemma fil-kotba mqaddsa fl-Atti ta’ l-Appostli.

Meta ssemmi dawn l-affarijiet u tgħid min aħna aħna l-Maltin verament tikseb l-ammirazzjoni ta’ ħafna. Ħadt pjaċir nirrapreżenta l-Maltin u l-Għawdxin kollha f’okkażjonijiet hawn Malta stess, per eżempju meta mort ninawgura f’Ħaż-Żabbar monument lil unika mara li saret President ta’ Malta s’issa: il-mibkija Agatha Barbara. Ħadt pjaċir ninawgura monument fiż-Żurrieq  lil ex-Ministru Carmelo Caruana li kien bniedem iddedikat żgur biex jikseb il-ġid għall-poplu tagħna. Ħadt pjaċir immur Għawdex u ninawgura monument lil Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni. L-uniku Papa li ġie Malta, ġie darbtejn jżurna f’Malta rispettat mid-dinja kollha. Kont preżenti għal funeral tiegħu u naħseb li l-memorja li issa tiġġedded kull meta mmorru Għawdex fit-triq int u sejjer lejn San Lawrenz  hemmhekk tara l-figura kbira ta’ dan il-Papa, nerġa’ ngħid illi żgur li nfluwenza l-istorja tad-dinja kollha.  

Ħadt pjaċir niltaqa’ magħkom, fid-diversi żjarat li għamilt fil-Kunsilli Lokali. Jiena qed niskopri kemm hemm x’titgħallem fuqna l-Maltin. Kultant naħsbu li nafu kollox fuqna nfusna, imma mhux hekk. Kull darba illi żżur Kunsilli Lokali tiltaqa’ per eżempju ma dawk il-ħafna għaqdiet. Għaqdiet ta’ volontarjat li tant qed jagħmlu ġid f’pajjiżna. Għaqdiet li għadhom b’saħħithom, li qed joktru, u l-esperjenza tiegħi f’dawn il-laqgħat mal-Kunsilli Lokali kienet dejjem waħda pożittiva u pożittiva ħafna u nħeġġeġ illi kull lokalità tagħna tibqa’ tibni dawk ir-relazzjonijiet bejn il-poplu li jgħix hemmhekk, dawk ir-relazzjonijiet ta’ solidarjetà, dawk il-kwalitajiet li jagħmlu komunjoni vera.  

Is-sena li għaddiet forsi kienet sena li nistgħu ngħidu ma kellniex fiha disturbi kbar. Li kienet sena pjuttost ta’ armonija. Hekk nixtiequ li pajjiżna jimxi ’l quddiem f’armonija. Jidher li l-pajjiż miexi ’l quddiem mhux mingħajr sforzi. Jibqa’ dejjem id-djalogu ħaj, qawwi li tirrikjedi kull demokrazija. Inħarsu ’l quddiem b’kuraġġ. 

Diffikultajiet għad hemm, biżżejjed induru dawra lejn l-ibħra ta’ madwarna, naraw x’ġara ftit ġimgħat ilu, ftit xhur ilu fil-Lebanon. Naraw x’ġara u x’għadu jiġri fil-Palestina. It-traġedja tal-Poplu Palestinjan. Hemm bżonn li nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ, nagħtu sehemna biex niksbu l-paċi mhux biss għalina imma  għal mal-poplu ta’ madwarna aħna wkoll.  

Nawgura lilkom lkoll fi djarkom li jkollkom Milied ħieni. Milied ħieni partikolarment fil-familji tagħkom. J’Alla ngawdu din l-hena fil-ġranet tal-Milied u j’Alla s-sena l-ġdida tkun sena mimlija risq u barka għal kulħadd. 

Insellmilkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow