IL-BINI MILL-ĠDID TAT-TRIQ T’GĦAJNSIELEM – ĦOLQA KRUĊJALI FIT-TITJIB TAN-NETWORK TA’ TOROQ ARTERJALI F’GĦAWDEX
Ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett tal-bini mill-ġdid tat-triq bejn l-Imġarr u Għajnsielem f’Għawdex qabad ritmu tajjeb fl-aħħar ġimgħat tant li din ser titlesta sa l-aħħar ta’ Frar. Dan il-proġett huwa wieħed minn żewġ proġetti ta’ toroq li qed isiru f’Għawdex b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Waqt żjara li għamel dal-għodu flimkien mal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed li huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-gżira Għawdxija.
“Dan il-proġett jmiss ir-rotta prinċipali li taqsam Għawdex minn tarf sa tarf, kif ukoll it-triq li tgħaqqad il-port ta’ l-Imġarr mal-Belt Victoria li tagħmel parti mit-TEN-T network ta’ l-Unjoni Ewropea. Din it-triq hija wkoll dik li kull min ikun qed jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer irid juża, u għalhekk hija importanti wkoll għall-iżvilupp t’Għawdex bħala prodott turistiku,” qal il-Ministru Mugliett.
Il-proġett tal-bini mill-ġdid tat-triq mill-Imġarr sa Għajnsielem b’tul ta’ 2.4 kilometri qed jiġi ko-finanzjat taħt il-Programm tal-Fond ta’ Koeżjoni tas-snin 2004-2006 għal Malta. Għal dan il-proġett hemm allokati mal-€4 miljuni mill-istess Fond.
Ix-xogħol li għaddej bħal issa fuq l-ewwel fażi jinkludu titjib fid-diżinn tal-junction lejn il-Heliport tax-Xewkija u t-twessiegħ tat-triq li twassal lejh, it-twessiegħ ta’ Triq t’Għajnsielem biex jiddaħħlu bankini u laybyes fid-diżinn tagħha, il-bini ta’ service culvert ta’ 700 metru li ser jilqa’ l-infrastruttura kollha tad-diversi servizzi, bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ ġodda fejn it-triq tmiss ma’ l-għelieqi kif ukoll il-bdil ta’ main tad-drenaġġ eżistenti b’wieħed ġdid.
Il-proġett ser jinvolvi wkoll it-tqegħid ta’ żewġ mains ta’ l-ilma ġodda b’tul totali ta’ 4 kilometri u t-tħaffir ta’ stormwater culverts flimkien ma’ numru ta’ collection chambers matul it-triq kollha.
Mat-tlestija ta’ l-ewwel fażi, ix-xogħol ser ikompli fuq Triq ix-Xatt li hija l-eqreb tat-terminal ta’ l-Imġarr, biex f’April ikun jista’ jibda l-bini mill-ġdid ta’ Triq J.F. De Chambray. Il-proġett kollu mistenni jitlesta sa’ tmiem Ġunju tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li din is-sena li waslet biex tispiċċa kienet waħda mill-iktar snin interessanti għal Għawdex għaliex matulha twettqu diversi proġetti, fosthom dawk tal-bini mill-ġdid ta’ għadd ta’ toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex.
Il-Ministru Debono fakkret li l-bini mill-ġdid tat-triq ta’ l-Imġarr flimkien ma’ dik ta’ bejn ir-Rabat u San Lawrenz saru permezz ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropea li l-Gvern Malti għażel li jiddedika lil Għawdex, u li iktar proġetti, fosthom dawk ta’ toroq, huma ppjanati għas-snin li ġejjin.
Il-bini mill-ġdid tat-triq li tgħaqqad lill-port ta’ l-Imġarr ma’ Għajnsielem hija ħolqa mill-katina ta’ żvilupp li l-Gvern qiegħed jagħmel fid-daħla prinċipali ta’ Għawdex, ikkumplimentat mill-bini tat-terminal fil-Port ta’ l-Imġarr, l-istudju għal triq alternattiva bejn Għajnsielem u l-Imġarr u l-iżvilupp ta’ Żewwieqa Waterfront li dwaru l-Ministeru għal Għawdex ħareġ sejħa għal diżinn li tagħlaq fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li t-titjib tat-toroq tat-TEN-T network li jinsabu f’Għawdex mhux ser jieqaf b’dan il-proġett, tant li diġa qed isiru t-tħejjijiet meħtieġa biex jinħareġ it-tender għall-bini mill-ġdid tat-triq li tieħu mill-junction tal-heliport sal-Belt Victoria. Dan il-proġett ser jiġi ffinanzjat mit-€855 miljun li ġew allokati lil Malta mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013.
“Iżda qed inħarsu aktar fit-tul. Matul din is-sena fil-fatt tlesta studju estensiv, simili għal dak li kien sar fuq it-toroq tat-TEN-T ta’ Malta, biex jiġu identifikati l-interventi li kemm bżonn isiru biex it-TEN-T network t’Għawdex jilħaq livelli Ewropej, kif ukoll saret evalwazzjoni ta’ l-impatt li dawn l-interventi jista’ jkollhom fuq l-ambjent tal-madwar. Fost dawn ġiet identifikata ir-rotta għal triq ġdida li sservi ta’ bypass għall-Belt Victoria,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958