Left arrow Mur Lura

IL-PERMESS GĦALL-IMMODERNIZZAR TA’ L-IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN APPROVAT B’MOD UNANIMU

PR1759
Date Icon 21/12/2006

Il-permess għall-immodernizzar ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin ġie approvat b’mod unanimu mill-bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fi tmiem laqgħa pubblika li saret dalgħodu. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li dan hu żvilupp importanti li għandu jgħin biex pajjiżna jkollu faċilitajiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart ta’ l-ogħla livell u skond l-aqwa standards Ewropej. Fl-istess waqt dawn il-faċilitajiet iwasslu biex pajjiżna jkollu sorsi ġodda ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, filwaqt li jitnaqqas kemm jista’ jkun kull impatt fuq ir-residenti u fuq l-ambjent. 

Il-Ministeru jfakkar kif l-immodernizzar ta’ Sant’Antnin se jsir b’investiment ta’ aktar minn €25 miljun (li madwar €17-il miljun minnhom huma ġejjin minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea).  L-impjant se jittratta 71,000 tunnellata ta’ skart (madwar terz ta’ l-iskart iġġenerat f’Malta) u nofs dan l-iskart se jkun skart isseparat u miġbur minn bring-in sites.  Dan l-investiment se jwassal biex dan l-impjant jiġġenera enerġija minn riżorsa -  l-iskart, li sa’ ftit taż-żmien ilu kienet tinħela.  L-impjant modernizzat se jwassal ukoll biex ikun prodott kompost ta’ kwalita’ tajba li jista’ jintuża mis-settur agrikolu, anqas inkonvenjent għar-residenti minn irwejjaħ, kif ukoll għal kundizzjonijiet ferm aħjar għall-ħaddiema li jaħdmu fl-impjant.  

L-impjant modernizzat ta’ Sant’Antnin se jipprovdi wkoll parti mill-infrastruttura meħtieġa biex tilqa’ fiha l-iskart isseparat li jinġabar mid-djar.  Huwa fatt inkuraġġanti li aktar nies qed jisseparaw l-iskart u dan iżid il-ħtieġa li pajjiżna jkollu l-infrastruttura meħtieġa. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jiddeplora l-istrateġija ta’ tfixkil minn uħud li qed jopponu dan l-investiment, ewlieni fosthom il-Partit Laburista.  Dan it-tfixkil reġa kkaratterizza l-laqgħa pubblika ta’ dalgħodu li matulha ma saret ebda kritika jew oġġezzjoni lejn it-teknoloġija li ser tintuża u ma saret ebda oġġezzjoni għall-applikazzjoni li kienet qed tiġi diskussa.  L-argumenti li tqajjmu dalgħodu kienu argumenti li diġa ġew imwieġba matul il-proċess li wassal għall-ħruġ tal-permess outline mill-MEPA. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ifakkar li l-iżvilupp ta’ llum huwa l-aħħar minn proċess twil ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-immodernizzar ta’ dan l-impjant.  Irid jitfakkar li fi żmien Gvern Laburista, kumitat ta’ esperti mwaqqaf mill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Ambjent ta’ dak iż-żmien, l-Onor. George Vella kien ippropona li l-iskart kollu ta’ Malta kellu jkun trattat fl-impjant ta’ Sant’Antnin, kif kien dak iż-żmien.  Dik il-proposta saret mingħajr ebda konsultazzjoni jew studji, u wisq inqas mingħajr ebda proposta ta’ investiment għall-immodernizzar kif qed isir illum. 

Dan hu kkonfermat minn minuti ta’ laqgħa li saret fit-22 ta’ Lulju 1998 (liema minuti diġa saru pubbliċi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent).  Ftit jiem wara, eżattament fil-15 t’Awissu 1998, l-Onor. George Vella kien ikkwotat jgħid mill-mezzi tax-xandir lokali li l-Gvern Laburista kellu l-ħsieb li jibgħat l-iskart kollu ta’ Malta f’Sant’Antnin.  Dan jindika li l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kellu l-ħsieb li jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li kellu. 

Il-Ministeru jappella lil kull min għandu għal qalbu l-ambjent biex jappoġġja dawn l-inizjattivi tal-Gvern, inkluż l-NGO’s li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent, li qed imur għal alternattivi li jħallu l-anqas impatt possibli fuq ir-residenti u fuq l-ambjent, billi jitnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-landfills mingħajr ebda trattament u dan permezz ta’ proċess ta’ bio-digestion. 

Fl-aħħarnett, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jappella wkoll biex kulħadd iżomm f’moħħu li d-daqs u d-densita’ ta’ pajjiżna jagħmilha aktar diffiċli li jinstabu siti għall-immaniġġjar ta’ l-iskart, li ma joħolqu ebda inkonvenjent.  Kulħadd irid japprezza li għandu jagħmel il-parti tiegħu biex pajjiżna tabilħaqq ikollu faċilitajiet moderni u dan għall-ġid tal-poplu kollu, tal-pajjiż u tal-ambjent. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow