MILQUGĦA TALBIET TA’ MALTA DWAR KWOTI PROVVIŻORJI GĦAS-SAJD TAT-TONN
It-talbiet tal-Gvern Malti għal emendi dwar kwoti proviżorji għas-sajd tat-tonn ġew milqugħa u għalhekk ġew inklużi fid-dokument finali tal-Kummissjoni Ewropea. Id-dokument finali, inklużi l-emendi proposti mill-Gvern Malti ġew maqbula unanimament fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd tard matul il-lejl li għadda.
Matul il-laqgħa li kienet qed tiltaqa’ f’dawn il-jiem fi Brussels, Malta kompliet bil-ħidma tagħha biex ikunu mħarsa l-interessi ta’ pajjiżna fil-qasam tas-sajd tat-tonn. Matul din il-laqgħa Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino
Il-pożizzjoni tal-Gvern Malti kienet li Malta tkun lesta tikkunsidra kwota parzjali tat-tonn ġaladarba tkun rikonoxxuta r-referenza storika ta’ Malta u din tkun inkluża fil-qabda totali Ewropea. Malta nsistiet ukoll li l-kwoti parzjali m’għandhomx jintużaw bħala referenza għall-allokazzjoni finali bejn l-Istati Membri.
Il-Ministru Pullicino esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp u tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jirsisti biex jissalvagwardja l-interessi tas-sajjieda Maltin u tas-sajd għat-tonn, li hi attivita’ ewlenija tas-sajjieda Maltin. Il-Ministru Pullicino wera wkoll l-apprezzament tal-Gvern lill-Kmmissjoni Ewropea, lill-Kummissarju Ewropew Joe Borg u lill-pajjiżi membri l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea talli rrikonoxxew l-importanza ta’ l-emendi mressqa minn Malta u għalhekk approvawhom.
Irid jingħad li wara li fil-laqgħa li saret f'Dubrovnik, il-Kroazja, il-kwoti tal-qabda tat-tonn tal-pajjiżi membri tal-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) ma ġewx iffissati, il-Kummissjoni Ewropea kellha tiddeċiedi fuq kwoti provviżorji li jridu jerġgħu jiġu diskussi wara laqgħa oħra ta' l-ICCAT li se ssir lejn l-aħħar ta’ Jannar li ġej f’Tokyo, il-Ġappun.
Din il-laqgħa, li matulha l-pajjiżi Ewropej ser ikunu rappreżentati mill-Kummissjoni Ewropea, se sservi sabiex il-qabda totali tat-tonn ta' 29,500 tunellata tiġi mqassma lill-pajjiżi membri ta' l-ICCAT li jistadu għat-tonn ta' l-Atlantiku ta’ Lvant u tal-Mediterran. Dawn jitqiesu bħala stock wieħed u huma nklużi fl-istess programm ta' maniġġ ta' din l-ispeċi.
Wara din il-laqgha s-seba' stati Ewropej li huma involuti fis-sajd tat-tonn, jiġifieri Franza, Spanja, l-Italja, il-Greċja, il-Portugall, Ċipru u Malta jridu jaqsmu l-kwota Ewropea bejniethom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958