PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA 2006
Il-President ta’ Malta l-E.T. Edward Fenech Adami ippreżenta l-Premju Ħaddiem tas-Sena 2006 lis-Sur James Mercieca.
Il-Premju Ħaddiem tas-Sena ilu jingħata mill-1988. Preżenti wkoll għaċ-Ċerimonja kien hemm il-Prim Ministru l-Onor. Lawrence Gonzi, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Żgħażagħ u Xogħol, l-Onor. Louis Galea, kif ukoll diversi rebbieħa tal-premju tal-passat.
James, jew kif inhu magħruf aħjar bħala Jimmy Mercieca, jaħdem bħala Senior Technical Officer fis-Sezzjoni ta’ l-Elettriku tad-Dipartiment tas-Servizzi fil-Ministeru tar-Rizorsi u l-Infrastruttura. Hu ilu jaħdem fis-servizz pubbliku għal dawn l-aħħar tletin sena. Beda jaħdem bħala Auto Electrician fil-Garaxx tal-Gvern, meta kien għad għandu biss 16-il sena. Għal tmien snin kien l-Imgħallem fl-Operations Section tal-istess garaxx, inkarigat minn ‘heavy plant’, u sitt snin bħala Senior Technical Officer fit-Taqsima ta’ l-Elettriku tal-Garaxx tal-Gvern fil-Marsa.
Is-sezzjoni li jaħdem fiha llum għandha 48 impjegat u llum qed tirrendi u tagħti riżultati ta’ xogħol tajjeb ħafna u ta’ fejda għall-pajjiż.
Jimmy huwa nkarigat mill-istallazzjoni u l-manutenzjoni ta’ ‘l fuq minn mija u sittin sett ta’ traffic lights madwar Malta u Għawdex kollu. Responsabbli minn madwar mitejn biċċa xogħol fis-sena, li jinkludi proġetti kbar bħall-istallazzjoni tas-sistema elettrika bħala parti mill-proġett ta’ l-Imdina, il-Ġnien ta’ Hastings, Il-Ġnien tal-Mall, Paceville, l-Akwadott ta’ Wignacourt, Dawret il-Gżejjer Buġibba, Sliema Promenade, il-Gnien tal-Barakka ta’ Fuq u Wied Babu fiż-Żurrieq.
Huwa wkoll responsabbli mill-manutenzjoni tas-sistema tal-floodlights tas-Swar tal-Belt, tal-Forti Sant’Anglu u ta’ Triq ir-Repubblika fil-Belt, kif ukoll mis-sistema elettrika f’ħafna Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern, fil-Berġa ta’ Kastilja u l-Palazz tal-President.
Fix-xogħol tiegħu kemm-il darba jiġi msejjaħ għal xogħol urġenti barra mill-ħin normali u huwa dejjem disponibbli kemm bil-lejl kif ukoll fil-Ħdud u l-Festi, ħafna drabi mingħajr ma jitlob ħlas addizzjonali.
Xogħol li huwa jagħmel aktar milli hu mistenni minnu jinkudi għajnuna li huwa jagħti lill-inġiniera billi jaqsam magħhom l-esperjenza kbira li huwa akkwista fuq ix-xogħol, inklużi d-disinn ta’ sistemi ta’ stallazzjonijiet kbar.
Huwa bniedem li juża l-personalità u l-karattru tiegħu biex jikkonsulta u jiddiskuti l-bżonnijiet mal-imgħallmin u l-ħaddiema li jmexxi. Huwa persuna umli u rrispettat minn kulħadd. Huwa mezz ta’ kuntatt siewi mal-Pulizija kif ukoll ma’ l-Awtorità tat-Trasport li lilhom tagħti servizz is-sezzjoni tiegħu.
Kienu diversi l-okkazjonijiet fejn bil-kelma t-tajba tiegħu u pariri għaqlin, evita konflitti fuq ix-xogħol bejn imgħallmin u ħaddiema, u kkonvinċa lill-sħabu biex jintlaħqu ċertu ‘targets’ diffiċli ta’ xogħol li mingħajr l-intervent tiegħu aktarx ma kienux jintlaħqu.
Minn intervisti li saru kemm mal-Higher Management kif ukoll ma’ impjegati li magħhom jaħdem Jimmy Mercieca, il-Kumitat tal-Għażla ikkonferma li l-istess James Mercieca jissodisfa l-kriterji tal-Premju ta’ Ħaddiem tas-Sena 2006 u għalhekk qed jiddikjarah ir-rebbieħ ta’ dan il-premju. Il-Kumitat tal-Għażla maħtur mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Zgħazagħ u Xoghol, din is-sena beda l-ħidma tiegħu ftit aktar kmieni mis-soltu biex jassigura li d-deliberazzjonijiet dwar in-nominazzjonijiet isiru b’reqqa kbira u b’hekk ikun ċert li l-għażla ssir b’ġustizzja mal-persuni nominati kollha.
Il-President tal-Bord ta’ l-Għażla, s-Sur Anthony Tabone qal li għalkemm in-numru ta’ nominazzjonijiet sottomessi kien wieħed tajjeb, xorta waħda mhux mifhum x’qed iżomm aktar ħaddiema milli jinnominaw lil sħabhom għal dan il-premju, speċjalment mis-settur privat. “Hija tassew ħasra, fl-opinjoni tal-Kumitat tal-Għażla, li minkejja li huwa fatt magħruf li hawn tant ħaddiema li matul is-sena mhux biss jiddistingwu ruħhom fuq xogħlhom bħala ħaddiema eżemplari, imma li jwettqu xogħol ta’ solidarjetà ma’ sħabhom u joħolqu għaqda fuq il-post tax-xogħol, fl-istess ħin jibqgħu mistura għax ma jkun hemm ħadd li jinnominahom għal dan il-Premju.
Mill-esperjenza tal-Kumitat tal-Għażla f’dawn l-aħħar tlett snin, nistgħu ngħidu li ħafna drabi jkun biss nuqqas - kemm mill-Managements kif ukoll mill-impjegati nfushom - li minħabba pressjoni ta’ ħin, ma jieqfux għal ftit biex jimlew il-formola u jagħmlu n-nominazzjoni. Aħna nħossu li din hija sfida li l-Kumitat tal-Għażla għal sena oħra jrid jara kif jista’ jegħlibha flimkien mal-Kumitat Organiżżattiv.”
Is-Sur Tabone qal li din is-sena, l-Kumitat irċieva sbatax-il nominazzjoni. Sebgħa nisa u għaxar irġiel. Għalkemm il-maġġoranza tan-nominazzjonijiet ġew mis-settur pubbliku jew agenziji u entitajiet tal-Gvern, ix-xogħol li jagħmlu l-persuni nominati kien mifrux fuq diversi livelli u tipi ta’ xogħol.
Il-Kumitat din is-sena intervista lil dawk kollha li ssottomettew xi nominazzjoni. Voldieri, ma saretx “short listing” fuq bażi tas-sottomissjonijiet miktuba biss. F’kazijiet minnhom saret anke t-tieni ntervista fejn instemgħu ukoll l-impjegati li jaħdmu mal-persuna nominata. Dan partikolarment fejn in-nominazzjoni tkun ġiet minn membri tal-management ta’ fejn taħdem il-persuna nominata u fejn ikunu ġew għall-ewwel intervista, membri tal-management biss. Dan sar biex ikollna stampa aktar kompleta tal-persuna nominata mhux biss mill-mod kif iħares lejha l-Management imma wkoll kif iħarsu lejha l-impjegati li jaħdmu magħha.
Is-Sur Tabone qal li l-Bord kien impressjonat mill-kwalità tan-nominazzjonijiet. “Ma tistax ma tħossokx kburi li f’pajjiżna hawn impjegati daqshekk dedikati u li jagħmlu tant xogħol ta’ fejda ma’ sħabhom fuq il-post tax-xogħol. Xtaqna li konna nistgħu nagħtu aktar minn premju wieħed għaliex onestament ħassejjna li kien hemm diversi minn fost dawk nominati li kien jixirqilhom premju wkoll. Imma r-regoli huma dawk li huma u għalhekk bilfors kellna nagħżlu.”
Is-Sur Tabone qal li aktar minn snin oħra, din is-sena l-Kumitat tal-Għażla seta jara l-entużjasmu li bih ippreżentaw in-nominazzjoni dawk li kienu ntervistati. Hawnhekk wieħed japprezza l-altruiżmu speċjalment meta jara mpjegati sħab il-persuna nominata li mhux biss ma juru l-ebda forma ta’ għira għax ġiet nominata dik il-persuna u mhux huma, imma jagħmlu dak kollu possibbli biex joħorġu l-kwalitajiet sbieħ kollha tal-persuna li jkunu qed jinnominaw. “Dan fih valur fih innifsu, u aħna, li għamilna dawn l-intervisti, ma stajniex ma nħossux kemm hawn tajjeb fostna. Mhux biss għax kien hemm sbatax-il persuna nominata li, kollha kemm huma fl-isfera tax-xogħol tagħhom, min aktar u min anqas, wettqu xogħol kbir; imma għaliex tara tant nies oħra, li mhux qed jagħmlu sforz biex jieħdu xi premju huma, imma biex irebbħu premju lil ħaddiehor. Dawn jiġu, joffru l-ħin tagħhom u jagħmlu sforz ġenwin biex joħorġu s-sabiħ fi sħabhom. Mhux dejjem nieqfu biex napprezzaw dan!”
Is-Sur Tabone temm jgħid li l-persuna magħżula din is-sena tkun ta’ xempju għal ħafna ħaddiema oħra. “Nittamaw li l-għoti ta’ dan il-premju jkompli jkabbar fost il-ħaddiema Maltin u Għawdxin is-sens ta’ bżonn li kollha kemm aħna għandna nagħtu dak il-ftit aktar biex pajjiżna jkompli jissaħħaħ u jkun jista jisfrutta l-opportunitajiet ġodda li qed ikollna u li għad irid ikollna. Aħna fiduċjużi wkoll li dan il-Premju ser ikompli jxettel is-sens ta’ solidarjetà li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandhom iħossu bejniethom u bejnhom u dawk li jħaddmuhom, għax b’hekk biss jista jkompli jikber il-ġid li minnu jgawdu s-setturi kollha ta’ pajjiżna.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958