ĊELEBRAZZJONI TA’ L-EWWEL TAS-SENA B’DIFFERENZA
“Bħal kull pajjiż ieħor pajjiżna jsellem is-sena li tkun għadha kif spiċċat u jawgura sena ġdida ta’ risq għall-poplu kollu. Għawdex qed jaħseb li jiċċelebra l-2007 b’Festa fi Pjazza Indipendenza, bil-parteċipazzjoni ta’ Gruppi popolari, kantanti u Dj’s u bil-parteċipazzjoni tal-poplu Għawdxi.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech meta, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria ta’ Għawdex, indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn ingħataw dettalji ta’ “The Festa – New Year’s Celebration 2007.”
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-poplu Malti u Għawdxi jiċċelebra għeluq s-sena u l-bidu ta’ sena ġdida b’attivitajiet varji li jinfirxu fil-familja, f’postijiet ta’ divertiment, f’lukandi u każini.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din iċ-ċelebrazzjoni għandha tkun ta’ okkażjoni għall-Għawdxin biex jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida flimkien. Hu qal li din iċ-ċelebrazzjoni għandha tikkontribwixxi lejn is-settur turistiku billi tgħin ħalli t-turisti li jkunu f’Għawdex f’dawn il-jiem jaqsmu ma’ ħutna l-Għawdxin il-ferħ tal-bidu ta’ sena ġdida.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li hi l-politika tal-Gvern preżenti li jkun hemm promozzjoni għal Għawdex bħala destinazzjoni speċjali. Hu qal li kien b’dan l-iskop li Għawdex intgħażel bħala wieħed mis-‘segments’; b’segment leader għalih.
Għawdex kellu l-karatteristiċi tiegħu u għalhekk kellu potenzjal turistiku uniku, li minbarra l-istorja, il-kultura u l-arkeoloġija, Għawdex kellu sbuħija naturali unika, baħar nadif li kien jattira mijiet ta’ barranin biex jipprattikaw id-delizzju tad-diving u riżorsa ta’ nies dħulin li lesti jagħtu sehemhom biex jagħmlu l-vaganza tat-turist waħda memorabbli.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern preżenti kien qed jaħdem fuq il-fronti kollha biex “destinazzjoni Għawdex” tkun waħda differenti. Hu qal li għal dan l-iskop qed ikunu modernizzati ż-żewġ portijiet fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, inbnew tliet vapuri ġodda biex jwasslu l-Maltin u l-barranin bejn Malta u Għawdex, issaħħet u qed tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura, qed jitwettqu proġetti ta’ restawr, u infetħet fergħa tal-ITS f’Għawdex biex iż-żgħażagħ Għawdxin jitħarrġu f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-qasam turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lill-Kunsill Lokali Victoria suċċess f’din l-attivita’ li għandha tifforma parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati f’pajjiżna. Il-Ministru Zammit Dimech awgura lill-poplu Għawdxi kollu Milied mill-isbaħ u Sena Ġdida ta’ risq u hena.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958