Left arrow Go Back

ĊELEBRAZZJONI TA’ L-EWWEL TAS-SENA B’DIFFERENZA

PR1750
Date Icon 20/12/2006

“Bħal kull pajjiż ieħor pajjiżna jsellem is-sena li tkun għadha kif spiċċat u jawgura sena ġdida ta’ risq għall-poplu kollu. Għawdex qed jaħseb li jiċċelebra l-2007 b’Festa fi Pjazza Indipendenza, bil-parteċipazzjoni ta’ Gruppi popolari, kantanti u Dj’s u bil-parteċipazzjoni tal-poplu Għawdxi.” 

Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech meta, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria ta’ Għawdex,  indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn ingħataw dettalji ta’ “The Festa – New Year’s Celebration 2007.” 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-poplu Malti u Għawdxi jiċċelebra għeluq s-sena u l-bidu ta’ sena ġdida b’attivitajiet varji li jinfirxu fil-familja, f’postijiet ta’ divertiment, f’lukandi u każini.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal  li din iċ-ċelebrazzjoni għandha tkun ta’ okkażjoni għall-Għawdxin biex jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida flimkien. Hu qal li din iċ-ċelebrazzjoni għandha tikkontribwixxi lejn is-settur turistiku billi tgħin ħalli t-turisti li jkunu f’Għawdex f’dawn il-jiem jaqsmu ma’ ħutna l-Għawdxin il-ferħ tal-bidu ta’ sena ġdida. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li hi l-politika tal-Gvern preżenti li jkun hemm promozzjoni għal Għawdex bħala destinazzjoni speċjali. Hu qal li kien b’dan l-iskop li Għawdex intgħażel bħala wieħed mis-‘segments’; b’segment leader għalih.

Għawdex kellu l-karatteristiċi tiegħu u għalhekk kellu potenzjal turistiku uniku,  li minbarra l-istorja, il-kultura u l-arkeoloġija, Għawdex kellu sbuħija naturali unika, baħar nadif li kien jattira mijiet ta’ barranin biex jipprattikaw id-delizzju tad-diving u riżorsa ta’ nies dħulin li lesti jagħtu sehemhom biex jagħmlu l-vaganza tat-turist waħda memorabbli. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern preżenti kien qed jaħdem fuq il-fronti kollha biex “destinazzjoni Għawdex” tkun waħda differenti. Hu qal li għal dan l-iskop qed ikunu modernizzati ż-żewġ portijiet fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, inbnew tliet vapuri ġodda biex jwasslu l-Maltin u l-barranin bejn Malta u Għawdex, issaħħet u qed tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura, qed jitwettqu proġetti ta’ restawr, u infetħet fergħa tal-ITS f’Għawdex biex iż-żgħażagħ Għawdxin jitħarrġu f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-qasam turistiku. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lill-Kunsill Lokali Victoria suċċess f’din l-attivita’ li għandha tifforma parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati f’pajjiżna. Il-Ministru Zammit Dimech awgura lill-poplu Għawdxi kollu Milied mill-isbaħ u Sena Ġdida ta’ risq u hena. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow