MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDDIE FENECH ADAMI GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA LILL-MALTIN U L-GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA
Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn pajjiżna, Insellmilkom.
Huwa pjaċir tiegħi li għal darba oħra fl-aħħar tas-sena, fiż-żmien il-Milied u dalwaqt bidu ta’ sena ġdida niltaqa’ magħkom, nitlaqa’ magħkom permezz ta’ dan ir-recording li intom sejjrin taraw fil-pajjiżi fejn qegħdin tgħixu.
Fil-bidu ta’ Diċembru kelli okkażjoni nilqa’ grupp li ġew mill-Awstralja. Ġew Malta fuq viżita li sejħulha viżita kulturali. Ħadt pjaċir ħafna niltaqa’ magħhom. Kienu grupp li l-maġġoranza tagħhom kienu żgħażagħ li twieldu l-Awstralja, li qatt ma ġew Malta. U ġew biex jitgħallmu x’inhi Malta għax verament tkun taf min aħna aħna l-Maltin, dan jista’ jsir biss jekk tiltaqa’ mal-Maltin u żżur lil Malta. Malta li hija miżgħuda bl-istorja, b’tant bini li huwa storiku, l-arkitettura tagħna b’dak li jagħmilna li aħna.
Fost dawn li ġew iżuruni kien hemm wieħed li qalli li ħalla ’l Malta ħamsin sena ilu u qatt ma ġie Malta. Ġie l-ewwel darba f’ħamsin sena. U kien naturali għalija li nsaqsieh: “X’inbidel f’Malta? X’rajt?” U r-risposta tiegħu kienet bidla kbira, kbira ħafna. L-ewwel bidla kbira hija fid-dehra ta’ Malta. Malta qalli donnha sbieħet, saret iktar sabieħa.
U naħseb li veru hekk hu għax f’dawn l-aħħar snin tajna kas illi naraw illi s-sbuħija naturali ta’ pajjiżna tidher dejjem aktar. Għandna ħafna iktar toroq ġodda, toroq sbieħ. Għandna bini antik li rrestawrajnieh. Sar ħafna u ħafna xogħol. Għidtlu: mort il-Belt? Dħalt fil-Port il-Kbir? Għax il-Port il-Kbir huwa forsi mill-ewwel jolqtok bis-sbuħija kbira li dejjem kellu, kemm sar iktar sabieħ donnu illum.
Kif tidħol fuq il-lemin, hemm dak li llum insejħulu l-Valletta Waterfront: bini antik li ġie restawrat u qed jiġi wżat u ffrekwentat minn bosta Maltin u barranin li jżuruna. Fuq ix-xellug inti u dieħel il-Port il-Kbir għandek il-bliet antiki: il-Birgu. Il-Birgu li llum ġiet rijabilitata hemm ħafna ħajja fiha, hemm marina ġdida, hemm lukandi, hemm affarijiet illi qabel ma kienx hemm.
Tieħu pjaċir tara Malta nbidlet fiżikament. Imma mhux biss fiżikament, dan ir-raġel qalli. Malta nbidlet per eżempju soċjalment. M’għadx hawn il-faqar. Illum għall- grazzja t’Alla tista’ tgħid kulħadd għandu post tax-xogħol fejn jaħdem, kulħadd jaqla’ l-flus, kulħadd jgħix ħajja deċenti ħafna iktar minn qatt qabel. Min ma jlaħħaqx mal-livell ta’ l-għixien li huwa normali f’pajjiżna jsib għajnuna soċjali. Pajjiżna nbidel ħafna soċjalment. Inbidel ħafna fl-għeruq tiegħu.
Aħna naħseb li għandna karatteristiċi ewlenin li jagħtuna l-identita’ tagħna bħala Maltin u fosthom huma l-valuri: il-valuri etiċi li aħna moddrijin bihom; l-imħabba tal-familja, kif aħna nħarsu lejn il-familja. Għall-grazzja t’Alla dawn il-karatteristiċi ewlenin tal-poplu Malti għadna nżommuhom. Ma jfissirx iżda li m’hemmx theddida, li m’hemmx perikolu.
Illum f’pajjiżkom fl-Awstralja fil-Kanada, fl-Ingliterra, fl-Amerika u f’Malta wkoll nitkellmu fuq ħafna problemi li ilhom jeżistu imma llum qegħdin nitrattawhom b’qawwa u b’theddida. Per eżempju l-problemi tal-bioetika: kif titratta t-tnissil tal-ħajja. Problemi tal-familja; kif tħares lejn il-familja. Għandniex nibqgħu nemmnu fil-familja kif għandha tkun l-għaqda bejn raġel u mara tul ħajjithom. Theddid għall-valuri ewlenin tagħna u aħna rridu l-valuri nżommuhom.
Id-dinja fi żmien il-Milied suppost li tiċċelebra l-paċi, is-sliem kullimkien imma bl-isforżi kollha li jsiru għad għandna ħafna nkwiet f’diversi postijiet fid-dinja. Biż-żejjed inħarsu lejn l-inkwiet li hemm l-Iraq u tafu fl-Iraq x’qed jiġri: gwerra li issa ilha sejra u donnu m’hemmx tmiem għaliha. Rajna r-rapport li rċieva l-President Bush propju fil-bidu ta’ dan ix-xahar li hemm bżonn li tinbidel it-tattika biex forsi dan il-poplu jkollu il-paċi dejjiema.
Iktar viċin tagħna hawn Malta: l-Art Imqaddsa, il-Palestina, Iżrael. Żewġ popli li ma jistgħux jsibu l-paċi mwiegħda lill-popli kollha tad-dinja. B’mod partikolari lill-poplu tal-Palestina. Illum il-Palestinjani x’inhu jiġri? Għalhiex mhux qeda tinstab din il-paċi. Naturalment dawn huma kollha ħsibijiet li partikolarment f’dawn iż-żminijiet tas-sena, meta qed niċċelebraw il-Milied, jiġu f’moħħna.
Jiena ngħid għandna nimtlew bil-kuraġġ. Għax il-messaġġ tal-Milied huwa messaġġ, dejjiemi huwa messaġġ li ma jispiċċa qatt, messaġġ li jrid jiġi realizzat: li jkollna l-paċi bejnietna.
Jiena irrid illi f’din l-okkażjoni għal darb’ oħra, fi tmiem is-sena nawgura l-familji kollha kemm f’Malta, kemm lilkom Maltin li tgħixu barra minn Malta, Milied ħieni l-ewwel nett fil-familji tagħkom. J’Alla tistgħu tgħixu l-ħajja tal-familja kuntenti flimkien u awguri mbagħad għas-sena d-dieħla. Il-ġejjieni ħadd ma jafu u kull darba nittamaw li jkollna sena tajba.
Għall-grazzja t’Alla Malta kellna sena tajba. Is-sena li għaddiet kienet sena li fiha mxejna ’l quddiem. Ma kellniex problemi kbar, ma kellniex skontri bejnietna. Ma kellniex tilwim bejnietna. Imxejna ’l quddiem u hekk nawgura li jiġri s-sena d-dieħla kemm lilna li bqajna ngħixu hawn Malta, kemm lilkom li ħallejtu pajjiżna. Pero` jiena ċert li intom kburin u tibqgħu kburin li għandkom nisel Malti li għandkom l-identita’ Maltija.
Insellmilkom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958