Left arrow Go Back

EMENDI KOSTITUZZJONALI GĦAS-SISTEMA ELETTORALI

PR1741
Date Icon 18/12/2006

Matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu għaddejjin trattattivi bejn iż-żewġ partiti rappreżentati fil-Parlament, sabiex tinstab soluzzjoni “pakkett” dwar kwestjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sistema elettorali. 

Kien għalhekk li l-Gvern issospenda d-dibattitu fil-Parlament dwar l-emendi kostituzzjonali li jolqtu d-distrett ta’ Għawdex, sabiex tinstab soluzzjoni. 

Dawn it-taħdidiet kienu koperti bil-kondizzjoni ta’ konfidenzjalita’, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor, u saru bejn Michael Falzon għall-MLP u Joseph Saliba ghall-PN. 

F’Novembru, 2006, il-Partit Nazzjonalista għamel proposta – li issa ġiet aċċettata – sabiex tinstab soluzzjoni.  Il-punti tal-proposta kienu dawn:- 

a)    illi Għawdex ikun dejjem distrett għalih, irrispettivament min-numri ta’ votanti; 

b)    illi f’każ li jkun hemm żewġ partiti biss rappreżentati fil-Parlament, ikun hemm dejjem u f’kull eventwalita’ proporzjonalita’ stretta fis-siġġijiet parlamentari li tirrifletti b’mod fidil, id-distakk li jkun hemm bejn il-partit maġġoritarju u dak minoritarju; 

c)    illi taħt ebda ċirkostanza ma tiġi aċċettata l-proposta tal-Partit Laburista, li partit b’maġġoranza relattiva ta’ mill-inqas 45%, jingħata dritt li jkollu maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet “(premju maġġoranza)“ anki jekk il-partiti l-oħra rappreżentati fil-Parlament bejniethom ikollhom iktar voti u iktar siġġijiet mill-partit ta’ maġġoranza relattiva. 

Il-Ġimgħa filgħaxija is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista irċieva il-kunsens “fil-prinċipju” ta’ din il-proposta mingħand id-Deputat Kap tal-Partit Laburista Michael Falzon,. 

In vista tal-fatt li l-MLP aċċetta l-proporzjonalita’ sħiħa u f’kull eventwalita’ proposta mill-PN, u irtira l-proposta tiegħu ta’ “premju maġġoranza”, hemm l-elementi kollha meħtieġa għal ftehim.  Ġaladarba ġiet aċċettata l-proposta tal-PN dwar proporzjonalita’, id-distretti elettorali u l-konfigurazzjoni tagħhom saru irrilevanti għall-maġġoranza ta’ siġġijiet li jkollu partit fil-Gvern; u għalhekk id-distretti se jistgħu jibqgħu kif inhuma llum għax la se jaġevolaw u lanqas jippreġudikaw il-maġġoranza f’siġġijiet tal-partit politiku li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Dan il-ftehim bejn rappreżentanti taż-żewġ partiti l-ġimgħa filgħaxija, għadu ma ġiex diskuss fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista; iżda l-Kap tal-Partit sejjer jirrakkomanda l-approvazzjoni tiegħu għax hu bażat fuq proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista stess. 

Peress li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ partiti, kienu marbutin bil-kunfidenzjalita’, ma tħabbarx dal-ftehim, u ħadd ma ġie informat bih.  Peress li skond ġurnali tal-lum, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ħabbar li ntlaħaq ftehim, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħass li għandu jiċċara l-affarijiet kif ġraw. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow