Left arrow Mur Lura

L-ALTERNATTIVA DEMOKRATIKA TASAL GĦAL KONKLUŻJONIJIET BLA EBDA BAŻI

PR1740
Date Icon 18/12/2006

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jiċħad bla ebda riserva l-insinwazzjonijiet ta’ l-Alternattiva Demokratika li l-Gvern iddeċieda fuq xi pjan biex jinstalla xi inċineraturi ħdejn l-impjanti tar-Reverse Osmosis.   Din mhi xejn għajr qlajja infondata u bla bażi. 

L-insinwazzjonijiet ta’ l-AD mhuma xejn għajr tentattiv ta’ opportuniżmu politiku li ma jqisx l-impatt negattiv li dan jista’ jkollu fuq l-ambjent innifsu, kif ukoll fuq l-isforzi tal-Gvern li jara li fil-pajjiż ikun hawn fis-seħħ l-aqwa teknoloġiji.  Fir-rigward tat-teknoloġija li tirreferi għaliha l-AD, jiġifieri t-teknoloġija li permezz tagħha l-iskart jintuża biex minnu tkun iġġenerata enerġija għall-produzzjoni ta’ l-ilma, l-Gvern jistqarr li din għadha idea fi stadju ta’ riċerka fejn il-Gvern qed ifittex biss li jikseb informazzjoni.   

Bħala parti minn din l-informazzjoni l-Gvern se jiffirma Memorandum Of Understanding mal-Gvern Ġermaniż bl-iskop li juża r-riżorsi u l-pariri tekniċi tal-Gvern Ġermaniż f’dan ir-rigward sabiex jiġu evalwati l-possibiltajiet kollha.   

B’riferenza għal stqarrija ppublikata mill-Alternattiva Demokratika dwar l-istrateġija ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-Ministeru jistqarr li huwa fatt inkwetanti li l-AD issa jidher li qed topponi lill-Gvern anke f’inizjattivi ta’ riċerka bl-iskop li pajjiżna jikseb l-aħjar informazzjoni minn Gvern li jitqies minn kulħadd li għandu track record eċċellenti fil-qasam ta’ l-ambjent.  Fit-tentattiv tagħha ta’ opportuniżmu politiku, l-AD l-anqas ma tirrimarka fuq il-fatt li l-ftehim mall-Gvern Ġermaniż sar ma’ Ministru li kien ġej propju mill-Partit tal-Ħodor, partit li suppost tifforma parti minnu l-istess AD. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jirriafferma li l-istrateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart mistennija tkun ippublikata f’qasir żmien u din tkun miftuħa għal konsultazzjoni pubblika.  Il-Gvern jikkonferma li mhi se tittieħed ebda deċiżjoni qabel ma tkun iffinalizzata din l-istrateġija. 

Il-Gvern ifakkar li minn dejjem saħaq li fl-Istrateġija riveduta se jkun hemm teknoloġiji oħrajn sabiex ikun jista’ jiġi trattat dak l-iskart li sa llum għadu jintrema fl-engineered landfill.  Dan jaħseb biex jitnaqqas il-volum ta’ skart mormi u tiġi rkuprata riżorsa fil-forma ta’ enerġija.  Il-Gvern se jibqa’ jixtarr il-possibilitajiet kollha ta’ kif jista’ jibqa’ jimmassimizza l-benefiċċji ta’ din ir-riżorsa.  

Il-Gvern jisħaq li enerġija rkuprata mill-iskart tikkwalifika bħala enerġija minn sors rinnovabbli u ma jagħmel ebda ġid li jkun hawn kummenti negattivi u distruttivi bħal dawk ta’ l-AD.   L-AD għaġġlet għall-konklużjonijiet bl-iskop li tallarma u tfixkel u xejn ma kkunsidrat l-implikazzjonijiet ta’ aġir bħal dan. 

Mill-banda l-oħra l-Gvern jistenna li jkun hawn dibattitu b’saħħtu u kostruttiv li jwassal għal strateġija mirquma fl-aħjar interess tal-pajjiż. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow