Left arrow Go Back

STUDJU DWAR ŻGĦAŻAGĦ LI QED ISEGWU KORSIJIET FIL-ĦILIET BAŻIĊI

PR1739
Date Icon 18/12/2006

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr. Louis Galea, illum wara nofsinhar nieda l-pubblikazzjoni ‘Studju dwar Żgħażagħ li Qed Isegwu Korsijiet fil-Ħiliet Bażiċi f’Malta’. Dan l-Istudju, l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, ġie kkummissjonat mid-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti, fi ħdan id-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni bħala parti mir-riċerka fil-proċess tat-tiswir ta’ l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali tal-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti. L-istudju tmexxa mill-Professur Charles Mifsud, Direttur tal-Literacy Unit ta’ l-Università ta’ Malta u sar bil-ħidma tas-Sinjorina Rowena Grech, Uffiċjal għar-Riċerka fl-istess Unit u tas-Sur David Muscat, Koordinatur tal-Basic Skills Unit fl-MCAST bil-kollaborazzjoni ta’ Dr. Peter Rudd min-National Foundation for Educational Research ta’ l-Ingilterra. L-Istudju jagħti ħarsa lejn ir-riċerka internazzjonali f’dan il-qasam, filwaqt li permezz ta’ intervisti strutturati wiċċ imb’wiċċ ma’ ħamsin żagħżugħ u żagħżugħa li qegħdin isegwu korsijiet ta’ ħiliet bażiċi f’Malta wasal għal sensiela ta’ riflessjonijiet utli u rakkomandazzjonijiet prattiċi dwar il-mod kif dan l-aspett importanti ta’ l-edukazzjoni jista’ jkun indirizzat.  

Il-Ministru Galea qal li missjoni ewlenija tal-Ministeru tiegħu hija li jressaq lejn xulxin lil kull min jista’ jagħti kontribut u l-entitajiet kollha konċernati ħalli flimkien inwettqu trasformazzjoni mill-qiegħ fis-sistemi edukattvi nazzjonali, biex b’hekk aħna lkoll bħala pajjiż naslu biex inwettqu l-aġenda tagħna li nsiru soċjetà ta’ l-għerf,  soċjetà  li tieħu ħsieb u li twieżen lil membri kollha tagħha.  

Wieħed mill-oqsma li bħal issa qed ikunu riveduti huwa dak tat-tagħlim tal-ħiliet bażiċi. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti wettaq il-ħidma tiegħu u ppreżenta rapport dettaljat flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet għal Strateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti. Dan ir-rapport wasal biex ikun ippublikat u miftuħ għal konsultazzjoni nazzjonali. Il-Ministru Galea qal li dan l-istudju li tnieda llum huwa eżempju prattiku ieħor ta’ din is-sinerġija meħtieġa bejn kulħadd bil-mod kif il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti mwaqqaf minnu ħadem mill-qrib mad-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti fi ħadan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-Università ta’ Malta, l-MCAST, il-Korporazzjoni ta-Xogħol u Taħriġ kif ukoll l-Istitut Paola Frere. 

Dan l-istudju kien tassew meħtieġ għaliex strategija dwar il-ħiliet bażiċi ma tistax tissawwar sew mingħajr ma jsemmgħu leħinhom dawk li fl-aħħar mill-aħħar strateġija bħal din tolqothom direttament. Għalkemm l-istudju jagħti biss lemħa lejn kampjun partikulari xorta waħda jipprovdi indikaturi importanti li jgħinuna nifhmu aħjar dak li jinħtieġ isir sabiex naċċertaw li ż-żgħażagħ li jonqoshom jiksbu dawn il-ħiliet bażiċi jkollhom ċans ieħor li jiksbu l-ħiliet neċessarji ħalli jkunu jistgħu jintegraw kompletament fis-soċjeta’ mhux biss mill-aspett ekonomiku iżda wkoll minn dak soċjali u kulturali. 

Il-Ministru sostna li dan l-istudju għandu jgħinna wkoll nifhmu l-għaliex għad hemm żgħażagħ li jispiċċaw l-edukazzjoni obligatorja mingħajr ma jkunu akkwistaw il-ħiliet meħtieġa. Ma nistgħu qatt nieqfu milli nifttxu dak li mhux jirnexxi biex meta jinstab, nirranġawħ mill-għeruq.  Dan l-istudju jkompli jsaħħaħ dan l-isforz integrat ta’ diversi inizjattivi li qed jittieħdu dwar il-ħiliet bażiċi. Dawn jinkludu: 

·                      Strategiji ta’ intervent bikri li jinvolvu l-familja

·                      Metodi ta’ akkwiżizzjoni tal-litteriżmu multi-sensorjali

·                      Identifikazzjoni u intervent fis-snin bikrin

·                      Identifikazzjoni  ta’ nuqqas ta’ ħiliet bażiċi lejn it-tmiem  ta’ l-edukazzjoni primarja

·                      Tagħlim speċjalizzat fl-ewwel snin ta’ l-edukazzjoni sekondarja

·                      Taħriġ intensiv voluntarju għall-għalliema tal-ħiliet bażiċi fl-iskejjel sekondarji

·                      Riżorsi ġodda mill-aqwa għat-tagħlim tal-Malti ta’ Adulti żviluppati permezz tal-Fond Soċjali Ewropew 

Il-Ministru qal li huwa konfidenti li s-sinerġiji li qed jinħolqu permezz tat-twaqqif tal-Kulleġġi ġodda bin-networks ta’ skejjel primarji w sekondarji, kif ukoll bir-ristrutturar tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni f’żewġ Direttorati li jipprovdu sostenn lil dawn il-Kulleġġi, jsibu utli l-konklużjonijiet ta’ din ir-riċerka kif ukoll l-inizjattivi l-oħra li ssemmew sabiex l-akkwist tal-ħiliet bażiċi f’pajjiżna jissaħħaħ biex b’hekk, uliedna  issa u fil-ġejjieni , jirnexxu lkoll.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow