ID-DIRETTIVA SEA U T-TIBDIL FIŻ-ŻONI TA’ L-IŻVILUPP
Fid-dawl ta’ l-allegazzjonijiet infondati ta’ l-Alternattiva Demokratika, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent isostni li l-approvazzjoni tal-Pjani Lokali, li kienu jinkludu t-tibdil fiż-żoni ta’ l-iżvilupp mill-Parlament, saret skond id-Direttiva SEA ta’ l-Unjoni Ewropea u t-traspożizzjoni tagħha fil-Liġijiet ta’ Malta.
L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, responsabbli mit-tfassil tal-Pjani Lokali, issottomettiet l-Abbozz tal-Pjani Lokali lis-SEA Audit Team, li huwa indipendenti, biex tistabbilixxi jekk dawn il-pjani kienux jeħtieġu SEA.
Wara li vverifika l-informazzjoni u l-komunikazzjoni uffiċjali kollha dwar is-suġġett, kif ukoll id-Direttiva ta’ l-UE u r-regolamenti lokali, is-SEA Audit Team qal li l-approvazzjoni tal-Pjani Lokali mill-Parlament kienet qed issir fil-perjodu ta’ tranżizzjoni fejn id-Direttiva teżenta l-Istati Membri milli jissottomettu għal SEA pjanijiet u programmi li nbdew qabel il-21 ta’ Lulju ta’ l-2004 u sottomessi għall-approvazzjoni tal-Parlament fi żmien 24 xahar minn din id-data.
Barra minn hekk, is-SEA Audit Team ikkomunika wkoll li minħabba l-istadju avvanzat li fih kien wasal il-proċess, li kien ilu għaddej is-snin, u skond il-provvedimenti tad-Direttiva, ma ħassx li kien viabbli li jsir strategic environment assessment meta l-fażi strateġika tal-proċess kienet diġà lesta.
Dan kollu jixhed li l-approvazzjoni tal-Pjani Lokali, li kienu jinkludu l-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni, fuq il-parir tas-SEA Audit Team, saret skond id-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Liġijiet ta’ Malta.
Ta’ min jinnota li jekk wieħed iqabbel l-art li kien hemm fil-konfini ta’ l-iżvilupp fl-1987 ma’ dak li hemm illum, wara l-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni, isib li llum hemm 5% inqas art fil-konfini għall-iżvilupp. Apparti minn hekk, jekk wieħed ma jikkunsidrax it-tnaqqis li kien hemm fl-1989, l-art għall-iżvilupp żdiedet b’medja ta’ 0.8% kull għaxar snin. Skond rapport imħejji mill-European Environment Agency il-medja fl-Ewropa hija ta’ 5% kull 10 snin.
Dwar iż-żona magħrufa bhala Tal-Papa f’Birżebbuġa, l-Ministeru jtenni li ż-żona kienet proposta għall-inklużjoni fil-konfini ta’ l-iżvilupp fil-Pjan Lokali tal-Bajja ta’ Marsaxlokk, liema pjan kien ġie approvat mill-Gvern qabel l-1996. Għaldaqstant il-pass ta' issa kien biss formalita' kif mitlub mill-liġi ta' pajjiżna. Ta' min jgħid ukoll li l-art msemmija hija propjeta' ta’ l-istat u għaldaqstant żgur mhuwiex każ ta' spekulazzjoni biex ikun hemm xi gwadann elettorali kif allegat l-AD. Ta' min jgħid li n-nies tekniċi dejjem sostnew li din l-art mhijiex art saqwi.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958