Left arrow Mur Lura

INAWGURATA D-DECOMPRESSION CHAMBER F’GĦAWDEX

PR1732
Date Icon 16/12/2006


F’Għawdex dalgħodu ġiet inawgurata Hyperbaric Unit mill-Prim Ministr, l-Onor. Lawrence Gonzi, waqt attivita’ fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.  

Żona fl-isptar li sa ftit ilu kienet tintuża bħala laundry ġiet ikkonvertita f’post attrezzat biex jospita fiħ apparat sofistikat li se jipprovdi trattament ta’ emerġenza lil għaddasa li jbatu minn decompression sickness. Din it-tip ta’ kundizzjoni taffettwa lil għaddasa meta ma josservawx il-ħinijiet neċessarji biex jistabilizzaw il-pressjoni li tvarja taħt l-ilma. Iċ-chamber terġa’ ttella' b'mod kontrollat il-pressjoni bħal dik ta' taħt il-baħar u terġa’ tniżżilha bil-mod biex b'hekk jiġu evitati l-konsegwenzi serji marbuta ma' din il-prattika. It-twaqqif ta’ din il-faċilita’ twassal biex il-gżira t’Għawdex tkun meqjusa bħala destinazzjoni aktar sigura għall-ipprattikar ta’ dan l-isport, u allura tagħmilha aktar attraenti għall-għaddasa biex jgħoddsu madwar Għawdex. Dan minħabba li f’każ ta’ bżonn, it-trattament ta’ emerġenza speċjalizzat jista’ jingħata fi żmien ftit minuti. Il-kundizzjoni ta’ decompression sicknesstista’ tkun traġika għall-għaddasa.  

It-twaqqif ta’ din il-faċilita’ fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex issegwi l-għarqa ta’ żewġ vapuri – l-MV Karwela u l-MV Cominoland – f’Awissu, kif ukoll it-twettieq ta’ kampanja pubbliċitarja kontinwa f’magazines speċjalizzati barranin, biex il-pożizzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalita’ għall-ipprattikar ta’ dan l-isport tkompli tissaħħaħ. Dawn l-elementi, flimkien mat-twettieq ta’ Master Plan għal din l-industrija u taħriġ għall-ħaddiema ta’ l-isptar, jifformaw parti mill-proġett li huwa ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006 bl-isem ta’ Niche Tourism Project for the Island of Gozo, bl-investiment ta’ madwar €1.3m.  

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-inawgurazzjoni ta’ din il-faċilita’ hija ħolqa oħra f’katina ta’ proġetti u inizjattivi li l-Gvern qiegħed iwettaq għall-iżvilupp kontinwu tal-gżejjer Maltin, b’mod partikolari, ta’ Għawdex. Il-proġett li minnu tifforma parti l-faċilita’ inawgurata dalgħodu jidħol bis-sħiħ fl-istrateġija tal-Gvern għall-iżvilupp ta’ Għawdex għaliex għandu l-għan li jtejjeb il-prodott turistiku tal-gżira, b’mod partikolari permezz ta’ niċeċ speċjalizzati li jsaħħu l-kwalitajiet ta’ din id-destinazzjoni unika. Fl-istess ħin, fondi ta’ l-Unjoni Ewropea qed jiġu investiti fi proġetti u inizjattivi li għandu jkollhom impatt dirett fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-gżira, filwaqt li fl-istess ħin, itejbu l-faċilitajiet offruti lill-komunita’. Dan huwa l-każ bl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett – faċilita’ li ser ittejjeb il-provvista ta’ servizzi mediċi f’Għawdex, mhux biss għall-għaddasa imma wkoll għal pazjenti b’kundizzjonijiet partikolari ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-Gvern, qal il-Prim Ministru, huwa kommess li jkompli jtejjeb is-servizzi tas-saħħa f’Għawdex u matul is-snin kompla jinvesta bis-sħiħ fit-titjib ta’ faċilitajiet u servizzi offruti mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.  

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-fatt illi Malta kienet l-ewwel pajjiż, fost il-ħamsa u għoxrin pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea, li tagħha ġie aċċettat il-programm ta’ proġetti u inizjattivi li minnhom ser tkun qed tibbenefika waqt il-perjodu finanzjarju 2007-2013. Il-Prim Ministru qal ukoll li għal darb’oħra Għawdex ser jerġa’ jitqies bħala prijorita’ fil-programm tal-Gvern – din id-darba prijorita’ fost ħames prijoritajiet. 

L-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qalet li l-okkażjoni ta’ dalgħodu hija pass ieħor sinjifikanti ’l quddiem fl-iżvilupp tal-prodott turistiku li Għawdex joffri lill-viżitaturi. Il-Gvern qiegħed jinvesti b’mod qawwi fit-titjib ta’ l-infrastruttura turistika u l-faċilitajiet offruti minn Għawdex. L-okkażjoni ta’ dalgħodu hija konferma ta’ l-importanza li l-Gvern kontinwament qiegħed jagħti lil Għawdex, b’mod partikolari lejn l-iżvilupp ta’ l-ekonomija tal-gżira. Il-Ministru Debono qalet li l-inawgurazzjoni tal-proġett kienet possibbli wara li l-Ministeru għal Għawdex żamm djalogu kontinwu mal-korpi kostitwiti Għawdxin li flimkien identifikaw in-niċċa turistika ta’ l-għadds bħala waħda b’potenzjal għal iktar tkabbir.  

Il-Ministru Debono qalet ukoll li l-Gvern huwa kommess li jkompli bi programm ta’ modernizzar u fil-fatt iddirezzjoni fondi tal-Gvern Malti u ta’ l-Unjoni Ewropea lejn it-titjib ta’ diversi faċilitajiet marbuta mat-turiżmu f’Għawdex, fosthom għat-twaqqif ta’ faċilita’ fil-Qala għat-taħriġ tal-ħaddiema fit-turiżmu, it-titjib tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija li jinsab fiċ-Ċittadella, u t-titjib ta’ diversi toroq arterjali li jwasslu għal attrazzjonijijiet turistiċi. Iktar proġetti marbuta mat-turiżmu ser jitwettqu fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari permezz ta’ 10% tal-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-perjodu finanzjarju 2007-2013 li l-Gvern Malti reġa’ alloka b’mod speċifiku għal Għawdex.  

Waqt l-attivita’ ta’ dalgħodu tqassmu ċertifikati lil ħaddiema fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li segwew korsijiet ta’ taħriġ marbuta ma’ l-operat tal-hyperbaric unit ġdida. Fl-istess okkażjoni ġie mniedi dokumentarju bl-Ingliż li għandu l-għan li jirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika, b’aċċenn fuq l-attrazzjonijiet taħt il-baħar u anke dawk ta’ fuq l-art. Dan id-dokumentarju huwa parti mill-inizjattivi ta’ marketing li ħaseb għalihom dan il-proġett. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow