RISTRUTTURAR FL-ENTITAJIET GOVERNATTIVI SABIEX JIĠI OFFRUT SERVIZZ AKTAR EFFIĊENTI LEJN IS-SELF EMPLOYED U S-SIDIEN TAN-NEGOZJI ŻGĦAR F’PAJJIŻNA
“Irridu nassiguraw li kull entita’ fl-istrutturi tal-Gvern tkun taf x'inhu mitlub minnha u tkun konxja ta' dak li qed jagħmel ħaddiehor. Dan sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ xogħol u b’hekk titnaqqas ukoll il-burokrazija.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo waqt preżentazzjoni ta’ dawk l-entitajiet u d-dipartimenti li għandhom bħala r-rwol ewlieni tagħhom li jiffaċilitaw ix-xogħol għan-negozji żgħar u s-self employed.
“Sar eżerċizzju ta’ ristrutturar li permezz tiegħu l-iSmall Enterprise Directorate fi ħdan il-Malta Enterprise, id-Diviżjoni għall-Kummerċ, il-Malta Crafts Council u l-Bord tal-Koperattivi, identifikaw il-klijenti partikolari tagħhom biex b’hekk, min imur għand dawn l-entitajiet, jiġi ggwidat u mgħejjun skond il-bżonnijiet partikolari tiegħu. Fil-fatt, fil-preżentazzjoni tal-lum, ingħataw dettalji tas-setturi speċifiċi li tittratta kull entita’, u ġie spjegat għand min trid tmur persuna biex tinqeda, skond x’għandha bżonn. B’dan il-mod, dawk il-persuni li jaħdmu fid-dipartimenti differenti jkunu familjari mar-rwol ta’ kull dipartiment biex b’hekk ikunu jistgħu jaqdu lill-klijenti tagħhom bl-aktar mod effiċjenti.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega li s-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, qed jgħin biex tiġi kkordinata l-ħidma ta’ l-erba’ entitajiet, iżomm kuntatt kontinwu ma’ numru sostanzjali ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet tan-negozju. Flimkien ma’ dawn, is-Segretarjat Parlamentari jżomm kuntatt dirett ukoll ma’ l-għaqdiet kostitwiti, bħalma huma l-GRTU, l-MHRA, l-FOI, il-Malta Chamber of Commerce and Enterprise, il-MIM, u l-MEA. Huwa spjega kif permezz ta’ din ir-riorganizzazzjni, il-Gvern ser ikun qiegħed jilħaq lis-self employed u n-negozji żgħar kollha f’pajjiżna, fosthom kaħħala, bajjada, bejjiegħa tal-għamara, bejjiegħa tal-laħam, ħaddieda, panel beaters, mechanics, bejjiegħa tal-monti, artiġjana, bejjiegħa tal-karozzi, professjonisti li jaħdmu għal rashom, printers, bejjiegħa ta’ bejgħ bl-imnut, tour leaders u tour guides. Dawn huma kollha negozji li mhux soltu jkunu rappreżentati f’pajjiżna.
Ghaldaqstant :
· l-iSmall Enterprise Directorate tal-Malta Enterprise ser tkun qegħda b’mod tipprovdi għajnuniet lil negozji nnovattivi u negozji li ser jiftħu ġodda kemm jekk huma fil-qasam tal-manifattura kif ukoll dawk li m’humiex.
· Id-Diviżjoni għal Kummerċ ser tibqa toffri servizzi ta’ informazzjoni u ‘mentoring’ għal negozji eżistenti u dawk ġodda, servizzi għal min jixtieq jirreġistra l-Propjeta Intelletwali tiegħu, u għal min jixtieq jirreġistra għal liċenza tan-negozju.
· Il-Bord tal-Kooperattivi ser ikun qed jikkoordina x-xogħol kollu li għandu x’jaqsam ma’ twaqqif u amminisrazzjoni ta’ kooperattivi tan-negozju.
· Il-Kunsill Malti għal Artiġjanat ser jaħdem sabiex artiġjana jkunu magħrufa u l-opportunitajiet jiġu provduti lilhom bl-aħjar mod.
L-Onor. Vassallo kompla billi qal li “irridu naqtgħu ċ-ċirkostanzi ta' fejn ikun hemm superviżuri ta' entitajiet governattivi differenti li jmorru għand l-istess negozji għall-istess affarijiet. Aħna qegħdin norganizzaw aħjar il-ħidma ta’ dawn l-entitajiet sabiex il-ħidma tas-settur kummerċjali tagħna tkun faċilitata. Dan juri kemm il-Gvern huwa miftuħ għan-negozju, għax qed inaqqas il-burokrazija u jrid li d-dipartimenti tiegħu ikunu aktar business friendly.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo rrefera għall-Pjan ta’ Ħidma ppublikat mis-Segretarjat u qal li “dan hu eżempju ċar ta’ kif il-Programm ta’ Ħidma 2006/2007 ‘Miftuħa għan-Negozju’ qiegħed jiġi mplimentat. B’dan il-mod il-Gvern irid jibqa’ viċin is-self employed u n-negozji żgħar.”
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li “meta nitkellmu fuq in-negozji ż-żgħar, f’Malta fil-fatt inkunu qegħdin nirreferu għall-mikro intrapriżi, li huma dawk l-intraprizi li jħaddmu inqas minn 10 persuni. F’Malta, dawn in-negozji jammontaw għal 96% minn negozji kollha. Dawn in-Negozji bejniethom iħaddmu aktar minn 44,000 persuna u huma għalhekk il-mutur ta’ l-ekonomija tagħna. Meta wieħed jara dawn il-figuri jifhem biċ-ċar kif il-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex jieħu ħsieb dawn il-mikro intrapriżi, u qiegħed jaħdem biex inaqqas kull burokrażija żejda u b’hekk ikompli jiffaċilita n-negozju.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958