Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU LOUIS GALEA JIPPARTEĊIPA FIL-KONFERENZA TAL-MINISTRI TA’ L-EDUKAZZJONI TAL-COMMONWEALTH

PR1722
Date Icon 14/12/2006

Ministri ta’ l-Edukazzjoni ta’ tlieta u ħamsin pajjiż imsieħba fil-Commonwealth qed jiltaqgħu f’Cape Town fl-Afrika t’Isfel u qed jeżaminaw il-ħidma li twettqet biex il-pajjiżi differenti jilħqu l-Miri ta’ Żvilupp tal-Millennju (Millennium Development Goals) fl-edukazzjoni. Malta hi rappreżentata mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, l-Onor. Louis Galea. Fil-konferenza qed jipparteċipaw rappreżentanti taż-żgħażagħ, ta’ l-għalliema u tas-soċjeta` ċivili. It-tema tal-konferenza hi: “Aċċess għal Edukazzjoni ta’ Kwalita` - Għal Ġid ta’ Kulħadd” (Access to Quality Education - For the Good of All). Il-konferenza nfetħet b’attivita` kulturali u b’diskorsi mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel, Naledi Pandor u mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Don McKinnon. 

Il-programm tal-konferenza hu mimli diskussjonijiet bejn il-Ministri, u bejn Ministri, żgħażagħ, għalliema u soċjeta` ċivili. Id-diskorsi bil-miktub huma projbiti u kulħadd irid jiddiskuti b’mod spontanju u nformali. Ir-rapporti ta’ l-esperti dwar l-istat ta’ l-edukazzjoni fil-pajjiżi tal-Commonwealth, li jħaddan 30% tal-popolazzjoni tad-dinja, juru diversita` u differenzi kbar bejn pajjiżi żviluppati u oħrajn sottożviluppati. Nofs il-popolazzjoni tal-Commonwealth tinsab fl-Indja. Minkejja l-progress li ġie reġistrat fil-pajjiżi kollha, hu stmat li 27 miljun (minn 77 miljun mid-dinja kollha) tfal ta’ eta` ta’ skola primarja ma kienux qegħdin fi skola f’41 pajjiż tal-Commonwealth, b’60% minnhom bniet.  Ir-rapporti juru li 61% minn dawn it-tfal hu stmat li qatt m’huma ser imorru skola waqt li oħrajn ser jibdew tard jew ma jkomplux. Hu għalhekk li l-ewwel mira li l-aktar qed issir emfasi fuqha hija l-edukazzjoni primarja għat-tfal kollha (Universal Primary Education).  

Il-Ministri ddiskutew ukoll il-Programm tal-Commonwealth ta’ Ħidma fl-Edukazzjoni għas-snin 2007-2010, mibni fuq programmi favur il-mira ta’ edukazzjoni primarja għal kulħadd u l-eliminazzjoni tad-disparita` bejn subien u bniet fl-edukazzjoni primarja u sekondarja (Achieving Universal Primary Education and Eliminating Gender Disparities in primary and secondary education).  

Il-Ministri kellhom ukoll rapporti fuq il-ħidma siewja tal-aġenzija Commonwealth of Learning b’risq diversi pajjiżi specjalment bit-twaqqif tal-proġett ta’ Virtual University of the Small States of the Commonwealth li fih, Malta qed tagħti kontribut attiv. Il-Ministri kellhom ukoll laqgħat ma’ l-Association of Commonwealth Universities u rapport dwar il-ħidma tal-Commonwealth Scholarship and Fellowship Plan li fl-2009 se jiċċelebra l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tiegħu u li s’issa ta aktar minn 25,000 scholarship. 

Fl-interventi tiegħu waqt il-konferenza, l-Ministru Louis Galea fisser l-apprezzament tal-Gvern Malti għall-ħidma li l-Commonwealth qed twettaq biex id-dritt fondamentali ta’ edukazzjoni ta’ kwalita` għal kulħadd isir dritt tat-tfal kollha fil-pajjiżi tal-Commonwealth. Il-Ministru Galea fisser li għalkemm Malta kisbet aċċess sħiħ ta’ edukazzjoni għal kulħadd fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni, mill-kindergarten sal-livell terzjarju, il-Gvern Malti xorta qed jagħti l-ogħla priorita` u l-akbar investiment fl-edukazzjoni. Hu spjega kif il-Gvern poġġa bħala mira tal-politika tiegħu “Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll” u kif il-Gvern qed jersaq lejn din il-mira bi proċess ta’ riforma tas-sistema kollha edukattiva. Il-Ministru qal li f’din il-ħidma hemm kontribut qawwi ta’ l-iskejjel tal-Knisja u ta’ l-istituzzjonijiet privati ta’ l-edukazzjoni.  

Il-Ministru Galea fisser kif wara li l-ħidma ta’ Gvernijiet differenti wasslet biex tintlaħaq il-mira ta’ edukazzjoni għal kulħadd, issa l-Gvern determinat li jilħaq il-mira ta’ edukazzjoni ta’ kwalita` għal kulħadd. Għalhekk wara li fil-pajjiż hemm aċċess għal edukazzjoni għal kulħadd għaliex l-Istat jipprovdiha lil kulħadd b’xejn u b’ħafna għajnuna f’kull livell, issa qed tisaħħaħ il-ħidma biex tiġi assigurata l-ekwita` u l-kwalita` sew fil-punt tad-dħul bikri fl-edukazzjoni, fir-riżultati (outcomes) ta’ l-esperjenza edukattiva , u fl-opportunitajiet li kull Malti u Maltija jkunu kapaċi jwettqu fil-ħajja tax-xogħol tagħhom.  

Il-Gvern qed jinsisti fuq kwalita` u standards sew fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. Hu għalhekk li b’liġi ġdida waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, u żewġ Direttorati wieħed id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni u ieħor id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. 

Il-progress li Malta qed tirreġistra fl-edukazzjoni huwa riżultat tar-rieda, l-impenn u t-tmexxija politika fil-pajjiż favur l-edukazzjoni, imsaħħa minn investiment pubbliku qawwi li jinkludi l-bini ta’ l-iskejjel kollha li għandu bżonn il-pajjiż u ta’ l-immodernizzar ta’ l-iskejjel kollha ta’ l-Istat. Il-Gvern qed jadotta politika li jippjana fuq ċiklu fit-tul fejn tidħol l-edukazzjoni. Huwa tkellem dwar il-proċess ta’ diskussjonijiet u djalogu mifruxa, speċjalment mal-Unjon ta’ l-Għalliema u ma’ l-Assoċjazzjonijiet tal-Ġenituri. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow