IL-PASSIĠĠIERI FL-AJRUPORT IKOMPLU JIŻDIEDU F’DIĊEMBRU
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta inawgura dwal dekorattivi f’Paceville, qal li din il-lokalita’ kienet waħda mill-aktar siti turistiċi importanti li kienet tiddependi ħafna minn kif imur is-settur turistiku f’pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li wieħed kien għad irid jara x’effett verament kellha l-introduzzjoni tal-linja ‘low cost’ Ryanair fuq pajjiżna. Hu qal li seta’ jgħid żgur hu li f’Novembru l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kellu żieda ta’ 5.2 fil-mija fin-numru ta’ passiġġieri li ħallew pajjiżna li telgħu għal 87,586. Hu qal li Ryanair ġab Malta 5,502 passiġġier minn Luton fir-Renju Unit u Pisa fl-Italja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li x-xejra pożittiva ta’ Novembru jidher li qed tissokta f’Diċembru.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li żieda fin-numru ta’ titjiriet, akkumpanjata minn żieda fin-numru ta’ passiġġieri tikkonferma dak li kien ilu ħafna jingħad li n-nuqqas fin-numru ta’ turisti lejn pajjiżna kien prinċipalment ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ titjiriet.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li t-tiżjin tat-toroq bi dwal dekorattivi kien ikabbar l-ispirtu tal-jiem sbieħ tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Hu qal li f’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ toroq li qed ikunu mżejna bid-dwal kiber u dan kien juru l-importanza li l-komunita’ kummerċjali kienet tagħti għat-tiżjin f’pajjiżna biex tkabbar in-negozju.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minbarra t-tiżjin bi dwal dekorattivi kibru d-drawwiet tal-presepju u tas-siġra tal-Milied. Hu fakkar li dawn id-drawwiet ingħataw spinta bil-kompetizzjonijiet għall-isbaħ presepji, u l-isbaħ toroq imżejjna, li torganizza t-Taqsima Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Hu qal li dawn it-tradizzjonijiet kienu ukoll ikabbru l-arja ta’ festa ta’ dawn il-ġranet. Hu qal li l-presepju kien ifakkar ukoll it-twelid ta’ Gesù Kristu li għalina l-Insara jfisser il-bidu tal-Kristjanita’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lis-sidien kollha tan-negozji f’Paceville Milied ta’ risq u hena … u aktar negozju.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958