Left arrow Mur Lura

INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA – SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA – L-ERBGĦA, 13 TA’ DICEMBRU 2006

PR1717
Date Icon 13/12/2006

Huwa pjaċir għalija li qed nindirizzakom fil-jum li fih Malta qed tiċċelebra Jum ir-Repubblika, jum li jġegħelna nħarsu lejn dak li aħna u dak li jagħmilna Maltin.   

Malta tinsab strateġikament fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterranan, imdawwar kif inhu bl-art u mimli storja.  Ir-realtajiet ġeografiċi u storiċi ta’ Malta kellhom influwenza profonda fuq il-gżira tagħna. L-espressjoni etnika lingwistika tagħna, kif ukoll il-wirt kulturali u arkitettoniku tagħna huma mera li tirrifletti ċar il-ħakkiema barranin tal-gżira u l-kulturi ġirien li jiċċirkondawha.   

L-istorja tal-gżira tagħna tinfirex miż-żminijiet bikrija tal-preistorja sal-perijodi li ġew aktar tard u saż-żminijiet moderni. Il-mezzi li bihom il-bniedem esprima ruħu f’dan il-pajjiż iħaddnu firxa li testendi matul iż-żminijiet għal perijodu ta’ madwar sitt elef sena.  Il-ħafna Popli li ħakmu jew inkella għexu fil-gżira tagħna ħallew l-impronta tagħhom.  Id-diversità kulturali tagħhom hija riflessa fil-wirt arkitettoniku uniku ta’ Malta – it-tempji Megalitiċi tagħha, li huma Siti ta’ Wirt Mondjali ta’ l-UNESCO, id-djar, l-istrutturi militari, il-palazzi, il-knejjes, il-kappelli u n-niċeċ votivi umli tagħha. 

Is-soċjetà Maltija hija magħquda flimkien b’sens ta’ komunità, imsejsa fuq valuri, kultura u tradizzjonijiet Kristjani mħaddna minna lkoll.  Huwa dan l-ispirtu ta’ komunità li joħloq fost il-Maltin l-interess f’xulxin u fil-futur tal-gżira tagħna.   

F’bosta okkażjonijiet pajjiżna ġie msejjaħ biex jieħu xi pass qalbieni u li jidħol għal xi vjaġġ ambizzjuż.  L-storja reċenti ta’ pajjiżna tiċċelebra tliet ġrajjiet importanti   –  dak meta l-mexxejja u l-Poplu ta’ pajjiżna b’kuraġġ qabdu t-triq li wasslet biex Malta ħadet l-istatus ta’ l-indipendenza fl-1964, kisba li ġiet imsaħħa meta fl-1974 Malta saret Repubblika u nħatar l-ewwel President tar-Repubblika.  Aktar tard għal darba oħra, meta, ftit aktar minn sentejn ilu, il-Poplu Malti għażel f’referendum nazzjonali li jingħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea u b’hekk rabat il-futur ta’ pajjiżu  ma’ dak ta’ din il-komunità ta’ Stati bbażata fuq valuri komuni – rispett għad-drittijiet umani, id-demokrazija, is-solidarjetà fost il-popli u s-suq ħieles mibni fuq il-valuri soċjali.  Ftit wara l-Parlament Malti ta vot unanimu favur Trattat Kostituzzjonali għall-Istati Membri kollha. 

Meta Malta ngħaqdet ma’ l-Unjoni Ewropea, din ma kisbitx biss drittijiet u vantaġġi imma refgħet ukoll sehem mir-responsabbiltà Ewropea.  Jiena nistħajjel l-umanità bħala komunità kbira u waħda, u huwa minn din il-komunità u s-solidarjetà li toħroġ ir-responsabbiltà tagħna lejn ħaddieħor.  Għandi fehma sħiħa li ma nistgħux u m’għandniex nibqgħu nimmaġinaw li dak li sejjer ħażin f’parti oħra tad-dinja ma jolqotx lilna wkoll.   

Malta għandha identità Ewropea, kif ukoll dimensjoni Mediterranja.  Iċ-ċokon karatteristiku u l-qagħda ġeografika strateġika ta’ pajjiżna juru li aħna qegħdin f’pożizzjoni tajba biex nagħmluha ta’ interlokuturi biex inrawmu u nippromwovu spirtu ta’ djalogu miftuħ, komunikazzjoni u ftehim bejn diversi pajjiżi u diversi Popli.  Pajjiżna, il-mexxejja u l-Poplu tiegħu, ħadmu u għad ikomplu jaħdmu b’determinazzjoni modesta u umli iżda qawwija biex jassiguraw futur aħjar.   

L-iżviluppi fit-teknoloġiji moderni bidlu d-dinja li ngħixu fiha.  It-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għamlu rivoluzzjoni fil-mod kif aħna nikkomunikaw.  Il-media twasslilna fi djarna trasmissjonijiet diretti minn postijiet imbiegħda.  Il-mobbiltà żdiedet.  In-nies jivvjaġġjaw jew jaħarbu minn pajjiżhom u jiġu ffaċċjati b’mod dirett ħafna bid-diversità ta’ l-oħrajn li tista’ tirriżulta f’diversi tensjonijiet u problemi.  Hawnhekk nappella lil kulħadd biex nirrispettaw kwalunkwe ħaġa li tagħżel Popli u kulturi minn oħrajn, biex b’hekk nitgħallmu minn dawk li huma differenti minna, aktar milli dawk id-differenzi nagħmluhom bħala ħitan ta’ firda u nuqqas ta’ ftehim.   

Kemm-il darba lmentajna dwar id-diskrepanza li teżisti bejn dak li wieħed jixtieq jagħmel u dak li wieħed jasal biex jagħmel?  Illum qed nagħtu ġieħ lil ftit mill-ħafna individwi li impenjaw ruħhom biex għelbu dak li jifred ix-xewqa mit-twettiq u li stinkaw biex irnexxew fl-għan tagħhom.  Nieħu din l-opportunità biex insellem b’mod speċjali lil dawk li l-kontribut uniku tagħhom lejn l-evoluzzjoni ta’ gżiritna mhux qed jiġi rikonoxxut illum, biex napprezzaw l-isforzi tagħhom u nagħrfu r-responsabbiltà tagħna li nissalvagwardjaw u nippreservaw il-wirt tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.  Nixtieq ukoll nirrikonoxxi l-kontribut lejn is-soċjetà tagħna minn dawk l-individwi umli iżda qawwija li niltaqa’ magħhom fiż-żjarat tiegħi fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta u Għawdex, li jiddedikaw ruħhom biex jgħinu lil dawk li jeħtieġu għajnuna, bħalma huma dawk bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani u dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli fil-familji tagħhom.  Il-kontribut ta’ kull individwu, kemm jekk rikonoxxut formalment kif ukoll jekk le, huwa rigal prezzjuż għalina u għas-soċjetà tagħna. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow