ATTRAZZJONI GĦAL TURISTI LI JIĠU ABBORD ‘CRUISE LINERS’
‘The Knights of Malta 1565’ hi wirja spettakolari li ddur madwar l-Assedju l-Kbir ta’ Malta ta’ l-1565. F’dan l-ispettaklu, mtella’ mill-MK Leisure, hemm cast ta’ 50 artist u tmint iżwiemel. L-ispettaklu hu akkumpanjat minn mużika, kostumi mill-isbaħ u dwal.
Din il-wirja ta’ siegħa qed tittella’ b’kollaborazzjoni ma’ VISET fil-Powerhouse Theatre fil-Valletta Waterfront. Din hi attrazzjoni esklussiva għat-turisti li jiġu Malta abbord il-cruise liners, b’wirjiet matul il-jum matul is-sena kollha. Minn dan ix-xahar ta’ Diċembru sar-Rebbiegħa tas-sena d-dieħla verżjoni ta’ 90 minuta ta’ “The Knights of Malta 1565 – The Show’ qed tittella’ fl-istess post fil-għaxija kull ġimgħa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li kien preżenti għall-wiri ta’ dan l-ispettaklu, qal li fl-aħħar snin qed jimtela’ vojt li kellna fil-prodott turistiku Malti permezz ta’ re-enactments li jfissru l-istorja ta’ pajjiżna anke permezz ta’ kostumi ta’ l-epoka li jkunu qed jirrapreżentaw.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-Taqsima ta’ l-Events fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura diġa tniedi sensiela ta’ re-enactments f’fortifikazzjonijiet u fi bliet mdawra bis-swar. Hu qal li l-Fondazzjoni Wirt Artna wkoll kienet qed tniedi re-enactments ta’ l-epoka Ingliza f’fortifikazzjonijiet mibnija tul l-era militari Ingliza f’Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bil-preżentazzjoni ta’ “The Knights of Malta 1565 – The Show” is-settur privat qed juri li mhux ser jibqa’ lura milli jagħti s-sehem tiegħu bi preżentazzjonijiet mill-aqwa ta’ l-istorja Maltija. Hu qal li għal din il-preżentazzjoni kien hemm Destination Management Companies (DMCs) li kienu responsabbli biex jorganizzaw f’pajjiżna konferenzi kbar li jattiraw ’l fuq minn 60,000 turist fis-sena. Hu qal li dan huwa suq importanti li qed jikber anke biż-żieda ta’ lukandi Ħames Stilel u aktar proġetti infrastrutturali marbuta ma’ dan is-settur.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan l-ispettaklu kien qed jittella’ fil-Powerhouse Theatre, li ħa post il-Power Station il-Qadima li ġiet restawrata bħala parti mill-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal. Hu qal li dan kien settur ieħor turistiku li kien qed juri tkabbir kontinwu. Hu qal li filwaqt li din is-sena kien mistenni li jintleħqu l-400,000 viżitatur f’pajjiżna li jiġu abbord cruise liners, il-konsorzju VISET kien qed jimmira żieda oħra sostanzjali s-sena d-dieħla.
Il-Ministru għat-Turżimu u Kultura qal li t-turiżmu kien settur dinamiku li jiżviluppa bil-ħidma ta’ kulħadd. Hu qal li kien jemmen li dan is-settur jirpilja u jagħti kontribut akbar għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil MK Leisure għall-produzzjoni tagħhom u għall-kontribuzzjoni li qed jagħtu lis-settur turistiku filwaqt li awguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958