Left arrow Mur Lura

MURALI STORIĊI JSEBBĦU L-ĦITAN TA’ THE MEDINA RESTAURANT

PR1713
Date Icon 12/12/2006

F’ The Medina Restaurant fl-Imdina tqiegħdu 10 murali storiċi li l-istħarriġ dwarhom, id-disinn tagħhom u x-xogħol fuqhom twettaq minn Bristow Potteries f’Ta’ Qali. Dawn ix-xogħlijiet kbar fit-terracotta, li nħadmu bl-idejn, tqiegħdu fil-kmamar fejn  jisserva l-ikel u jillustraw il-kultura medjovali tal-belt ta’ l-Imdina.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura dawn l-10 murali li dan l-aħħar tqiegħdu fuq il-post mill-Bristow Potteries.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-belt qadima ta’ l-Imdina kienet bejta ta’ storja iżda llum hi wkoll attrazzjoni turistika li jżuruha mijiet ta’ eluf ta’ turisti. Hu qal li l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex din il-belt tingħata l-ġieħ li jixirqilha. Hu qal li wara li s-servizzi kollha tqiegħdu taħt l-art t-toroq kollha ta’ l-Imdina nksew b’paviment ġdid. Hu qal li fl-Imdina twettqu wkoll diversi proġetti ta’ restawr li komplew sebbħu lil din il-belt storika. Hu qal li ġew imsebbħa wkoll Howard Gardens.

Il-Ministru Zammt Dimech qal li żvilupp ieħor hu dak tar-restawr u riabilitazzjonui ta’ Palazzo Falson, id-Dar Normanna, mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Hu qal li minbarra l-bini ġew restawrati wkoll kollezzjonijiet ta’ artifatti storiċi tal-Fondazzjoni Gollcher. Dawn tqiegħdu fil-mużew li hemm fl-istess palazz li x-xogħol fuq ir-restawr u r-riabilitazzjoni tiegħu issa wasal biex jitlesta. Il-Ministru Zammit Dimech ħabbar li Palazzo Falson mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan il-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ l-Imdina kkontribwew ir-residenti. Hu qal li fl-istess proċess nfetħu diversi ristoranti u ħwienet marbuta mas-settur turistiku.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien għadu kif twettaq proġett ta’ refurbishment t’The Medina Restaurant li nkluda t-tqegħid ta’ dawn il-10 murali kbar li se jkomplu jsebbħu l-post u jagħtuh id-dehra li tixraqlu.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-ristoranti kienu parti essenzjali mill-infrastruttura turistika u kien jemmen li aktar ma jogħla l-livell tar-ristoranti u l-ikel li jservu aktar kien jogħla ‘prodott Malta’.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lill-Bristow Potteries għax-xogħlijiet artistiċi li ġew kummissjonati jaħdmu għal The Medina Restaurant.  Hu rringrazzja lill-management ta’ The Medina Restaurant għall-ħidma tagħhom biex ikomplu jgħollu l-livell tal-prodott turistiku Malti filwaqt li awguralhom kull suċċess għall-intrapriża tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow