MURALI STORIĊI JSEBBĦU L-ĦITAN TA’ THE MEDINA RESTAURANT
F’ The Medina Restaurant fl-Imdina tqiegħdu 10 murali storiċi li l-istħarriġ dwarhom, id-disinn tagħhom u x-xogħol fuqhom twettaq minn Bristow Potteries f’Ta’ Qali. Dawn ix-xogħlijiet kbar fit-terracotta, li nħadmu bl-idejn, tqiegħdu fil-kmamar fejn jisserva l-ikel u jillustraw il-kultura medjovali tal-belt ta’ l-Imdina.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura dawn l-10 murali li dan l-aħħar tqiegħdu fuq il-post mill-Bristow Potteries.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-belt qadima ta’ l-Imdina kienet bejta ta’ storja iżda llum hi wkoll attrazzjoni turistika li jżuruha mijiet ta’ eluf ta’ turisti. Hu qal li l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex din il-belt tingħata l-ġieħ li jixirqilha. Hu qal li wara li s-servizzi kollha tqiegħdu taħt l-art t-toroq kollha ta’ l-Imdina nksew b’paviment ġdid. Hu qal li fl-Imdina twettqu wkoll diversi proġetti ta’ restawr li komplew sebbħu lil din il-belt storika. Hu qal li ġew imsebbħa wkoll Howard Gardens.
Il-Ministru Zammt Dimech qal li żvilupp ieħor hu dak tar-restawr u riabilitazzjonui ta’ Palazzo Falson, id-Dar Normanna, mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Hu qal li minbarra l-bini ġew restawrati wkoll kollezzjonijiet ta’ artifatti storiċi tal-Fondazzjoni Gollcher. Dawn tqiegħdu fil-mużew li hemm fl-istess palazz li x-xogħol fuq ir-restawr u r-riabilitazzjoni tiegħu issa wasal biex jitlesta. Il-Ministru Zammit Dimech ħabbar li Palazzo Falson mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan il-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ l-Imdina kkontribwew ir-residenti. Hu qal li fl-istess proċess nfetħu diversi ristoranti u ħwienet marbuta mas-settur turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien għadu kif twettaq proġett ta’ refurbishment t’The Medina Restaurant li nkluda t-tqegħid ta’ dawn il-10 murali kbar li se jkomplu jsebbħu l-post u jagħtuh id-dehra li tixraqlu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-ristoranti kienu parti essenzjali mill-infrastruttura turistika u kien jemmen li aktar ma jogħla l-livell tar-ristoranti u l-ikel li jservu aktar kien jogħla ‘prodott Malta’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lill-Bristow Potteries għax-xogħlijiet artistiċi li ġew kummissjonati jaħdmu għal The Medina Restaurant. Hu rringrazzja lill-management ta’ The Medina Restaurant għall-ħidma tagħhom biex ikomplu jgħollu l-livell tal-prodott turistiku Malti filwaqt li awguralhom kull suċċess għall-intrapriża tagħhom.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958