VANDALIŻMU FUQ INFRASTRUTTURA MEĦTIEĠA GĦAS-SIGURTÀ TAS-SEWWIEQA
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq jiddeplora l-aġir ta’ persuni mhux magħrufa li l-lejl li għadda kissru l-flash lights kollha li kien hemm tul Triq Reġjonali fid-direzzjoni ta’ San Ġiljan. Dawn id-dwal kienu qed jintużaw għat-treġija tat-traffiku waqt il-proġett tat-tiswija tal-Pont Manwel Dimech, li qed isir b’ko-finanzjament ta’ €6 miljuni mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
L-iskema ta’ treġija ta’ traffiku għal waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-karreġġjata li tieħu minn San Ġiljan lejn l-Imsida bdiet titħaddem nhar it-Tnejn li għadda wara li l-vijadott tal-Lvant ingħalaq biex ikun jista’ jibda t-twaqqiegħ tiegħu. Matul dan il-perjodu, il-vijadott tal-Punent inqasam f’żewġ karreġġjati, b’lane waħda f’kull direzzjoni. L-iskema tħaddmet b’suċċess min-nhar it-Tnejn ’l hawn u ftit li xejn kienu rrappurtati problemi.
Il-flash lights li sfaw il-mira tal-vandali fl-aħħar siegħat kienu imwaħħlin fuq ringiela kontinwa ta’ barrieri tal-konkrit li qed jintużaw biex jisseparaw it-traffiku li jkun għaddej f’direzzjonijiet opposti. Id-dwal għandhom il-funzjoni li jżidu l-viżibilità tal-barrieri sabiex jiġu evitat il-ħbit tal-vetturi magħhom.
Hija ħassra li f’pajjiżna jeżistu persuni li mhux biss ma tinteressahomx is-sigurtà tagħhom, iżda lesti wkoll jpoġġu f’riskju is-sigurtà ta’ kull min ikun qed juża l-infrastruttura tat-toroq tagħna.
Intant is-sewwieqa li jkunu għaddejjin min dawn l-inħawi qed jintalbu jsuqu bil-galbu sakemm dawn il-flash lights vandalizzati jinbidlu mill-aktar fis possibbli.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958