TNEDIJA TAL-POLITIKA U PJAN NAZZJONALI TAT-TURIŻMU
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech illum nieda il-politika u pjan nazzjonali tat-Turiżmu għal Malta. Il-Ministru qal li l-bzonn ta’ politika u pjan nazzjonali huma mportanti speċjalment fi żmien meta l-industrija tat-turiżmu għaddejja minn tibdil kbir kemm f’livell internazzjonali kif ukoll f’livell nazzjonali.
Hu semma kif l-industrija lokali trid taddatta għall-kompetizzjoni aktar ħarxa, għal fenomenu tal-Low Cost Carriers u l-internet bħala mezz ta’ bejgħ. Semma ukoll kemm hu opportun li dawn id-dokumenti qed jiġu mnedija ftit wara li ġiet ippublikata il-politika tal-Unjoni Ewropea għat-turiżmu u hekk kif Malta se tibda tgawdi mit-tieni mewġa ta’ fondi strutturali mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-politika mhix tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura biss imma tal-Gvern kollu kemm hu. Dawn id-dokumenti ġew imfassla wara konsultazzjoni estensiva mal-Ministeri kollha tal-Gvern, b’diskussjoni fil-Kabinett u fil-kumitat Inter Ministerjali għat-Turiżmu.
Il-Ministru qal ukoll li fit-tfassil ta’ dan il-pjan saru numru ta’ laqgħat mal-grupp konsultattiv. “Irrid nieħu din l-opportunita' biex nirringrazzja lill-membri kollha tal-Grupp Konsultattiv għax-xogħol mill-aktar siewi li wettaq dan il-grupp u li kien determinanti fit-tfassil ta' dan il-Pjan. Irrid ngħid ukoll li hemm il-qbil ta' l-istess Grupp Konsultattiv li dan il-Pjan ikun ippubblikat kif qed ikun ippreżentat illum, u naqblu li l-parti sostanzjali tar-rakkommandazzjonijiet li għamel l-istess grupp ġew inkorporati f'dan il-Pjan” kompla jgħid il-Ministru Zammit Dimech
Id-dokumenti issa qed joħorġu għall-konsultazzjoni aktar wiesa’. Il-Ministru qal li l-bieraħ saret laqgħa għall-istakeholders prinċipali ta’ l-industrija tat-turiżmu lokali. Huma kienu ppreżentati b’kopja tal-pjan sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-veduti tagħhom. Kopja tad-dokumenti se titqiegħed ukoll fuq il-website tal-Ministeru sabiex kull min hu interessat jkun jista’ jagħti l-veduti tiegħu. Ix-xewqa tal-Gvern hi li l-proċess tal-konsultazzjoni jingħalaq sal-21 ta’ Diċembru biex b’hekk il-politika u l-pjan jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007.
“Il-politika u l-pjan Nazzjonali se jkunu l-kuntratt tal-ħidma tal-Gvern favur dan is-settur” kompla il-Ministru Zammit Dimech. Biex jitwettaq dan il-pjan hemm bżonn il-koperazzjoni ta’ kull min hu involut jew għandu interess fis-settur.
Il-Ministru temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lid-Direttorat tal-EU Affairs and Policy Development fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura għax-xoghol li wettqu b’dedikazzjoni sħiħa fit-tfassil ta’ dawn id-dokumenti.
DOI - 07.12.06
Copyright 2000-2018, Department of Information - Government of Malta
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958