IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO JFAĦĦAR INIZJATTIVI INNOVATTIVI MAĦSUBA MIS-SIDIEN TAL-ĦWIENET TAL-MOSTA FLIMKIEN MAL-GRTU BIEX JIĠĠENERAW AKTAR ATTIVITA’ KUMMERĊJALI
“Permezz ta’ emendi li saru fl-Avviż Legali li jirregola l-ħruġ tal-liċenzi tan-negozju, sar possibbli li f’ċentri kummerċjali ikunu organizzati attivitajiet maħsuba biex iżommu l-ħwienet mifuħa aktar tard f’attivita’ bħalma kien sar il-Belt Valletta, magħrufa bħala n-Notte Bianca. Għalkemm organizazzjoni bħalma saret il-Belt, li kienet attivita’ ta’ min ifaħħarha, kienet riżultat ta’ ħidma kumplessa, nixtieq inħeġġeġ lill-GRTU u lis-sidien ta’ ħwienet f’komunitajiet differenti sabiex, jekk ikunu jridu huma, flimkien ma’ għaqdiet tal-volontarjat fl-istess lokalita’, ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet fuq skala ferm iżgħar minn tan-Notte Bianca, iżda li tkun maħsuba biex tippromwovi aktar l-attivita’ kummerċjali f’dik il-lokalita’ rispettiva.” Is-Segretarju Parlamentari qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ġiet imħabbra attivita’ li ser issir fil-Mosta nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Diċembru.
Dakinhar, il-ħwienet fi Triq Kostituzzjoni, il-Mosta, ftehmu li jibqgħu miftuħin, u ser ikunu qegħdin jorganizzaw attivitajiet oħra matul il-ġurnata. Dan qiegħed isir bil-ħsieb li tiġi ġġenerata aktar attivita’ kummerċjali.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “bħala Segretarjat, aħna lesti li nkunu ta’ għajnuna biex fejn negozji f’lokalitajiet ikunu jridu jorganizzaw attivitajiet simili, nagħtuhom għajnuna biex l-organizazzjoni ta’ attivita’ bħal din tiħfief. Huwa ta’ sodisfazzjoni għalija li nara sidien ta’ ħwienet mgħejjuna mill-GRTU fil-lokalita’ tal-Mosta li jaslu li jorganizzaw konferenza ta’ l-aħbarijiet maħsuba biex jagħtu avviż fuq livell kollettiv biex iħabbru li huma ser jibqgħu miftuħa sal-ħin li tippermetti l-liġi.
“Nawgura li fix-xhur li ġejjin naraw aktar attivitajiet bħal dawn jiġu mħabbra, u nawgura li l-GRTU tibda tieħu rwol aktar organizzattiv fejn tħares lejn kif nistgħu noħorġu b’ideat innovattivi fl-ibliet u l-irħula tagħna f’inizjattivi biex niżviluppaw aktar fuq livell kollettiv l-attivita’ kummerċjali fl-ibliet u l-irħula tagħna” temm l-Onor. Edwin Vassallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958