IR-RWOL TAL-KUMITATI PARLAMENTARI SABIEX TIKBER L-UGWALJANZA BEJN IL-ĠENDRU U L-INKLUŻJONI TAL-MARA - UNJONI INTER-PARLAMENTARI, ĠINEVRA - 4-6 DIĊEMBRU 2006
L-Onor. Clyde Puli, President tal-Kumitat ta’ l-Affarijiet Soċjali fil-Kamra tad-Deputati, għadu kemm attenda konferenza ta’ tlitt ijiem fejn ġie diskuss ir-rwol tal-kumitati parlamentari sabiex tikber l-ugwaljanza bejn il-ġendru u l-inklużjoni tal-mara. Il-konferenza ġiet organizzata fil-bini uffiċjali tal-Unjoni Inter-Parlamentari f’Ġinevra bejn l-4 u 6 ta’ Diċembru, 2006.
L-għan tal-konferenza kien li jiġu identifikati mezzi differenti kif il-kumitati parlamentari jistgħu itejbu l-ħidma tagħhom biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġendru u l-inklużjoni tal-mara. Id-dibattitu infirex fuq l-operazzjoni ta’ dawn il-kumitati, il-mandat tagħhom, u kif għandhom jaħdmu b’mod effettiv. Ġew diskussi ukoll l-aqwa prattiċi u rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn il-kumitati jistgħu jindirizzaw is-suġġett fuq livell nazzjonali. Il-konferenza offriet l-opportunita’ sabiex rappreżentati differenti jaqsmu l-idejat tagħhom u b’hekk jistudjaw l-iżvilupp ta’ politika li tassew tisħaq fuq l-ugwaljanza bejn il-ġendru u l-inklużjoni tal-mara.
F’ kummenti fi tmiem il-laqgħa, l-Onor. Puli qal li huwa jinsab sodisfatt bl-isforz u l-koordinazzjoni li qed isir sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara, kemm fuq livell internazzjonali u kif ukoll dak nazzjonali. L-Onor. Puli irrikonoxxa l-inizjattivi u l-akkwisti ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. L-Att dwar il-Vjolenza Domestika u d-diversi inizjattivi mħabbra fl-aħħar baġit kienu mfaħħra, bħal miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza fis-soċjeta’ u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Is-Sur Puli osserva wkoll il-ħatra riċenti ta’ żewġ imħallfin nisa u maġistrata oħra, l-ewwel imħallef Maltija fil-Qorti Suprema tal-UE, il-ħatra ta’ żewġ ambaxxaturi nisa, l-ewwel segretarju permanenti mara, żewġ ministri nisa u segretarju parlamentari mara u kif ukoll involviment akbar ta’ nisa fi rwoli eżekuttivi fis-settur pubbliku u privat. Huwa faħħar ukoll il-ħidma li qed issir fil-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza.
Minn naħa l-oħra, l-Onor. Puli innota li minkejja dawn l-iżviluppi inkoraġġanti f’pajjiżna, bħalma huwa l-każ f’diversi pajjiżi oħra, fadal ħafna xi jsir sabiex jintleħaq livell ta’ ugwaljanza sħiħa bejn in-nisa u l-irġiel. Huwa sostna li jeħtieġ bidla ta’ kultura fejn kull wieħed u waħda minnha nirrealizzaw u naċċettaw li l-parteċipazzjoni akbar mill-mara fl-isferi kollha, mhux biss hija kawża ġusta għall-mara iżda ta’ benefiċċju wkoll għas-soċjeta’ kollha.
Informazzjoni addizjonali: L-Unjoni Inter-Parlamentari u l-ugwaljanza bejn il-ġendru
Din l-Unjoni hija organizzazzjoni internazzjonali bejn il-Parlamenti ta’ Stati sovrani. Din l-Unjoni hija punt ta’ riferiment u ta’ djalogu għall-parlamenti ta’ madwar id-dinja. Bil-għan li titkattar il-paċi u l-koperazzjoni bejn popli differenti u sabiex eventwalment jinħoloq ambjent aktar demokratiku. Meta oriġinat fl-1889, din l-Unjoni kellha rapreżentanza ta’ nisa baxx ħafna u dan kien jirrifletti l-istess fil-parlamenti nazzjonali. Madankollu, fl-1978 grupp ta’ nisa parlamentari bdew jinvolvu ruħhom b’mod attiv. Sa l-1983 il-laqgħat bejn dawn in-nisa kienu jsiru fuq bażi informali, pero’ fl-istess sena urew ix-xewqa li jingħaqdu f’assoċjazzjoni taħt l-umbrella ta’ l-Unjoni Inter-Parlamentari.
Din l-Unjoni malajr bdiet tikseb riżultati posittivi ma dak li għandu x’jaqsam ugwaljanza bejn il-ġendru. Dawn jinkludu aktar sensittivita’ lejn is-suġġett, għarfien li l-inklużjoni tal-mara fil-politika iżżid id-demokrazija, parteċipazzjoni biex tinqered il-vjolenza fuq il-mara, anqas sterjotipi, formazzjoni ta’ mekkaniżmu biex tiżdied l-ugwaljanza bejn il-ġendru u l-inklużjoni tal-mara fl-istruttura ta’ din l-Unjoni. Infatti l-istatuti ta’ l-Unjoni Inter-Parlamentari ġew emendati b’tali mod li fl-1987 n-nisa setgħu jiġu eletti fil-Kumitat Eżekuttiv, fl-1988 leħqu l-ewwel nisa bħala viċi-President u fl-1999 il-President kienet mara. Is-sena l-oħra, 2005, in-nisa Membri Parlamentari fl-assembleji tal-Unjoni Inter-Parlamentari ammontaw għal-madwar 35% tal-parlamentari kollha.
DOI 06.12.2006
6.89 Kbytes Last Modified on 06th December, 2006
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958