XOGHOL TA’ RESTAWR FIL-VILLA TAL-ĠONNA TA’ L-ARGOTTI
Il-Ġonna ta’ l-Argotti nbnew fuq art mixtrija mill-Balliju de Argote et Guzman fi żmien li kien Gran Mastru ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann Manoel Pinto de Fonseca. L-entratura kienet ħdejn il-Kurja Arċiveskovili. Il-Balliju De Argote żied din l-art mal-ġonna privati tiegħu, li allura kienu magħrufa bħala l-Ġonna ta’ Sarria, u bena entratura ġdida, dik li għadha tintuża sal-lum. Fuq il-post De Argote bena villa u numru ta’ stalel għaż-żwiemel. L-istalel inbidlu f’uffiċċji amministrattivi waqt li l-villa qed tkun restawrata.
Il-Ġonna Botaniċi ta’ l-Argotti bdew bħala Orto Medico minn Dr Giuseppe Zammit, kappillan ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Dan kien ekwivalenti għal Physic Gardens li f’dawk iż-żminijiet kienu qed jikbru fil-popolarita’ ma’ l-Ewropa. L-iskop ta’ Dr Zammit kien li jiffaċilita l-istudju tal-mediċina.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech illum żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru f’Villa De Argote li qiegħda fuq in-naħa botanika tal-ġonna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li meta l-kuratur tal-Ġonna ta’ l-Argotti, permezz ta’ l-Universita’ ta’ Malta, talab għal għajnuna biex tiġi restawrata l-villa, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qablet li tagħti għajnuna ta’ Lm8,000. Hu qal li dan sar mhux biss għaliex Villa de Argote kienet bini storiku li jmur lura aktar minn 250 sena u mhux biss għaliex l-ġonna botaniċi jafu l-bidu tagħhom madwar l-1674, iżda anke għaliex dawn il-ġonna kienu attrazzjoni sew għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien mgħarraf li darba l-villa tiġi restawrata din kienet ser tinbidel b’mużew botaniku li jinfetaħ għat-turisti fuq talba tagħhom stess. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li dawn il-ġonna diġa’ qed isirulhom żjarat minn tfal ta’ l-iskejjel. Hu qal li l-ftuħ ta’ dan il-bini storiku għat-turisti ser ikompli jikkontribwixxi biex ngħollu l-prodott turistiku Malti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ġie mdawwar max-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fil-villa. F’isem l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu hu ppreżenta ċekk lil Joseph Buhagiar, kuratur tal-Ġonna Botanaċi.
DOI 06.12.2006
4.5 Kbytes Last Modified on 06th December, 2006
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958