AKTAR RIJABILITAZZJONI TA’ POSTIJIET STORIĊI FIL-BIRGU – INVESTIMENT TA’ LM 1.5 MILJUNI FI SPA U HEALTH CLUB TA’ L-OGĦLA LIVELL
L-investiment mill-Gvern u mis-settur privat fix-Xatt tal-Birgu qed iservi biex din il-Belt issir il-pern tar-riġenerazzjoni fil-Kottonera.
Meta kien qed iżur sit ta’ xogħol f’partijiet mill-Forti Sant’ Anġlu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li fi żminijiet moderni, il-Birgu qatt ma ra investiment qawwi daqs kemm seħħ fl-aħħar snin. Dan l-investiment issa beda jwassal għat-tiġdid tal-Kottonera tant li llum dawn l-inħawi qed ikunu mfittxija minn kulħadd.
Il-Cottonera Waterfront Group li huma wieħed mill-konsorzja li qed joperaw matul ix-Xatt bħalissa qed iwettqu xogħol ta’ restawr u rijabilitazzjoni f’żewġ partijiet mill-Forti Sant’Anġlu li ilhom abbandunati għal aktar minn għoxrin sena biex dawn jinbidlu fi spa u health club ta’ l-ogħla kwalità. L-ispiża f’dan il-proġett mistennija tilħaq il-Lm1.5 miljun.
“Dan il-proġett biex il-Ward Building u d-Distillerija tar-Royal Navy jinbidlu f’ċentru tal-‘wellness’ ser jiżgura li t-taħlita ta’ stabbilimenti li wieħed isib matul ix-Xatt titjieb u b’hekk dawn l-inħawi jibdew jappellaw għal varjetà akbar ta’ persuni, kemm Maltin kif ukoll barranin,” qal il-Ministru Mugliett.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid li dan il-proġett ser jgħin ukoll biex din parti tal-Forti Sant’Anġlu tibda’ tingħata użu li jixirqilha, peress li din kienet isservi biss għal attività abbużiva għal aktar minn għoxrin sena. Ix-xogħol qed isir sabiex titreġġa’ lura l-ħsara li twettqet meta dawn l-istrutturi kienu sarulhom interventi li għarrqu l-karattru tagħhom fis-snin sebgħin. Fost l-interventi li kienu saru f’dawk is-snin kien hemm id-diviżjoni ta’ l-imħażen fi kmamar b’ħitan tal-ġebel u l-ħabi ta’ karatteristiċi arkitettoniċi fis-soqfa b’suffetti tal-jablo. Kien ukoll indifen l-aċċess għal ġardjola li tinsab mas-swar tal-Forti.
“Dan il-proġett effettivament ser jagħti lura parti mill-wirt storiku tat-Tlett Ibliet lill-poplu sabiex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, u jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li jirriġenera nħawi ta’ valur permezz ta’ sħubija mal-privat jew investiment dirett. It-tlestija tal-Health Club fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla ser issaħħaħ ir-riġenerazzjoni għax ser tkompli tiddiversifika l-prodott li wieħed jkun jista’ jsib fix-Xatt tal-Birgu. Illum il-ġurnata matul ix-Xatt wieħed isib stabbilimenti ta’ l-ikel, cafeteriji, casinò, marina u residenzi, filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jiftħu anke ħwienet.
“Dan kollu, flimkien ma’ l-inħawi li għadhom kif ġew pavimentati, taw lill-viżitaturi promenade ta’ kwalità. It-tlestija ta’ dan il-Health Spa ser ifisser it-tlestija ta’ l-ewwel units ta’ ospitalità matul ix-Xatt tal-Birgu u għalhekk huwa pass konkret fit-tisħiħ tal-Kottonera bħala ċentru t’akkomodazzjoni turistika,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
DOI - 05.12.2006
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958