“IL-VALURI HUMA L-BAŻI TAS-SUĊĊESS FL-IMPRENDITORIJA” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Matul is-sena li għaddiet ħadna ħsieb li norganizzaw numru ta’ korsijiet fl-imprenditorija f’lokalitajiet differenti, biex b’hekk dawk il-persuni li, jew diġa għandhom in-negozju tagħhom, jew li jixtiequ li jiftħu negozju, jitħarrġu fil-ħiliet imprenditorjali. L-iskop tagħna kien li nħajjru lil aktar persuni li qegħdin fin-negozju jkomplu jtejjbu l-ħiliet tagħhom fin-negozju bil-ħsieb li jkunu aktar innovattivi fil-mod ta’ kif jirbħu fuq il-kompetizzjoni.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt preżentazzjoni taċ-ċertifikati lil dawk il-persuni li pparteċipaw f’dawn il-korsijiet. Il-korsijiet ilhom isiru mis-sena l-oħra b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm ukoll id-Direttur tad-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni Adulta fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, Anthony DeGiovanni, kif ukoll l-għalliema tal-korsijiet. Il-korsijiet, li kollha saru mingħajr ħlas, saru fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Raħal Ġdid, Mosta, Birkirkara, San Ġwann u Ħ’Attard. B’kollox ipparteċipaw madwar 45 persuna. Sar ukoll kors f’Għawdex, li għalieh ipparteċipaw madwar għoxrin persuna oħra (il-presentazzjoni taċ-ċertifikati għal dawk li pparteċipaw f’Għawdex ser issir ġurnata oħra).
L-Onor. Vassallo kompla jispjega li dan it-taħriġ u kull taħriġ ieħor maħsub biex jgħin lin-negozji tagħna jkunu ta’ suċċess fil-kompetizzjoni li s-suq qed joffri, qiegħed ikunu ibbażat fuq erba’ valuri li għandhom jitqiesu bħala s-sisien tal-valur miżjud (value added) li kull negozju jrid jaħseb li jkollu biex itejjeb il-ħiliet imprenditorjali tiegħu. L-Onor. Vassallo spjega dawn l-erba’ valuri x’inhuma, u qal li “jien nemmen li min irid jirbaħ il-kompetizzjoni fis-suq u jkun differenti u aħjar mill-kompetituri tiegħu, irid jagħti prijorita’ lil dawn il-valuri li qed nirreferi għalihom:
| a) | Il-ħtieġa li kull min qiegħed fin-negozju jifhem li huwa ta’ servizz lejn il-klijenti tiegħu. Din il-kampanja edukattiva għandha ssir permezz ta’ diskussjoni pubblika maħsuba biex tqajjem aktar interess fil-valur intrinsiku tal-kummerċ meta dan ikun ta’ servizz lejn il-bniedem u l-komunita’. Hekk, mill-etika tal-kummerċ inkunu qegħdin nitkellmu dwar il-valur tal-kummerċ. |
| b) | II-valur tax-xogħol u r-rispett lejn il-ħaddiem. Ix-xogħol għandu jitqies bħala valur, filwaqt li l-ħaddiema li huma impjegati għandhom ikunu wkoll rispettati. Dan il-messaġġ għandu jkun parti minn messaġġ li jiġi diskuss speċjalment maż-żagħżagħ u dawk li diġa jimpjegaw il-ħaddiema magħhom. |
| c) | Il-profitt ġust huwa neċessita’ importanti fil-kummerċ u l-imprenditorija u ma jistax jibqa’ jitqies bħala xi azzjoni nġusta. Bħala parti mill-edukazzjoni għall-kultura imprenditorjali li rridu naraw f’pajjiżna, jeħtieġ li nibdew nitkellmu aktar dwar il-qliegħ ġust bħala bżonn li huwa parti integrali mill-attivita’ kummerċjali. Il-profitt ma jistax jitqies bħala aspett negattiv. |
| d) | Il-kummerċ u dawk kollha li huma mdaħħla fil-kummerċ, għandhom ikunu stmati b’mod pożittiv. Għalhekk, huma meħtieġa, u rridu nkunu miftuħa għan-negozju. Iżjed ma jonqos il-preġudizzju li jista’ jkun hawn lejn min qiegħed fin-negozju, iżjed nistgħu naslu li bħala kultura nkunu miftuħa għal izjed negozju. |
“L-objettiv tagħna hu li aktar persuni jitħarrġu biex ikunu jistgħu jrawwmu mentalita’ aktar imprenditorjali, biex b’hekk ikollhom suċċess fin-negozju tagħhom u jkomplu joħolqu aktar impjiegi. Permezz ta’ dawn il-korsijiet, aħna xtaqna li nibdew nipprovdu aktar informazzjoni u opportunita’ ta’ ħsieb fuq is-suġġett ta’ l-imprenditorija, bil-ħsieb li ntejjbu l-kapaċita’ għal aktar innovazzjoni u riċerka fin-negozji tagħna. Dawk li jattendu għal dan it-taħriġ, jistgħu jibqgħu f’kuntatt miegħi u mas-Segretarjat Parlamentari u uffiċjali oħra ta’ Dipartimenti u Awtoritajiet, bil-ħsieb li jibqgħu jingħataw attenzjoni u għajnuna skond fejn huwa possibbli.
“Minbarra dawn il-korsijiet, flimkien ma’ l-Edward de Bono Foundation organizzajna serje ta’ laqgħat dwar l-imprenditorija, li huma maħsuba għal dawk l-imprendituri li jixtiequ jużaw aktar riċerka u innovazzjoni fin-negozju tagħhom. Hemm bżonn li niftakru li riċerka u innovazzjoni ma jsirux biss f’laboratorju, iżda jistgħu jiġu applikati f’kull aspett tan-negozju. Il-korsijiet flimkien ma’ l-Edward de Bono Foundation għadhom għaddejjin, fil-fatt fadal l-aħħar żewġ laqgħat, iżda hemm il-ħsieb li kemm dawn il-korsijiet, kif ukoll il-korsijiet fl-imprenditorija jerġgħu jiġu organizzati s-sena d-dieħla.”
Is-Segretarju Parlamentari temm billi awgura lill-istudenti li pparteċipaw f’dawn il-korsijiet suċċess fix-xogħol tagħhom, u ħeġġiġhom biex kontinwament itejjbu lilhom infushom.
DOI – 04.12.2006
8.42 Kbytes Last Modified on 04th December, 2006
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958