Left arrow Go Back

“IL-VALURI HUMA L-BAŻI TAS-SUĊĊESS FL-IMPRENDITORIJA” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR1670
Date Icon 04/12/2006

“Matul is-sena li għaddiet ħadna ħsieb li norganizzaw numru ta’ korsijiet fl-imprenditorija f’lokalitajiet differenti, biex b’hekk dawk il-persuni li, jew diġa għandhom in-negozju tagħhom, jew li jixtiequ li jiftħu negozju, jitħarrġu fil-ħiliet imprenditorjali.  L-iskop tagħna kien li nħajjru lil aktar persuni li qegħdin fin-negozju jkomplu jtejjbu l-ħiliet tagħhom fin-negozju bil-ħsieb li jkunu aktar innovattivi fil-mod ta’ kif jirbħu fuq il-kompetizzjoni.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt preżentazzjoni taċ-ċertifikati lil dawk il-persuni li pparteċipaw f’dawn il-korsijiet.  Il-korsijiet ilhom isiru mis-sena l-oħra b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. 

Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm ukoll id-Direttur tad-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni Adulta fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, Anthony DeGiovanni, kif ukoll l-għalliema tal-korsijiet.  Il-korsijiet, li kollha saru mingħajr ħlas, saru fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Raħal Ġdid, Mosta, Birkirkara, San Ġwann u Ħ’Attard.  B’kollox ipparteċipaw madwar 45 persuna.  Sar ukoll kors f’Għawdex, li għalieh ipparteċipaw madwar għoxrin persuna oħra (il-presentazzjoni taċ-ċertifikati għal dawk li pparteċipaw f’Għawdex ser issir ġurnata oħra). 

L-Onor. Vassallo kompla jispjega li dan it-taħriġ u kull taħriġ ieħor maħsub biex jgħin lin-negozji tagħna jkunu ta’ suċċess fil-kompetizzjoni li s-suq qed joffri, qiegħed ikunu ibbażat fuq erba’ valuri li għandhom jitqiesu bħala s-sisien tal-valur miżjud (value added) li kull negozju jrid jaħseb li jkollu biex itejjeb il-ħiliet imprenditorjali tiegħu. L-Onor. Vassallo spjega dawn l-erba’ valuri x’inhuma, u qal li “jien nemmen li min irid jirbaħ il-kompetizzjoni fis-suq u jkun differenti u aħjar mill-kompetituri tiegħu, irid jagħti prijorita’ lil dawn il-valuri li qed nirreferi għalihom: 

a)Il-ħtieġa li kull min qiegħed fin-negozju jifhem li huwa ta’ servizz lejn il-klijenti tiegħu.  Din il-kampanja edukattiva għandha ssir permezz ta’ diskussjoni pubblika maħsuba biex tqajjem aktar interess fil-valur intrinsiku tal-kummerċ meta dan ikun ta’ servizz lejn il-bniedem u l-komunita’.  Hekk, mill-etika tal-kummerċ inkunu qegħdin nitkellmu dwar il-valur tal-kummerċ.
b)II-valur tax-xogħol u r-rispett lejn il-ħaddiem.  Ix-xogħol għandu jitqies bħala valur, filwaqt li l-ħaddiema li huma impjegati għandhom ikunu wkoll rispettati.  Dan il-messaġġ għandu jkun parti minn messaġġ li jiġi diskuss speċjalment maż-żagħżagħ u dawk li diġa jimpjegaw il-ħaddiema magħhom.
c)Il-profitt ġust huwa neċessita’ importanti fil-kummerċ u l-imprenditorija u ma jistax jibqa’ jitqies bħala xi azzjoni nġusta.  Bħala  parti mill-edukazzjoni għall-kultura imprenditorjali li rridu naraw f’pajjiżna, jeħtieġ li nibdew nitkellmu aktar dwar il-qliegħ ġust bħala bżonn li huwa parti integrali mill-attivita’ kummerċjali. Il-profitt ma jistax jitqies bħala aspett negattiv.
d)Il-kummerċ u dawk kollha li huma mdaħħla fil-kummerċ, għandhom ikunu stmati  b’mod pożittiv.  Għalhekk, huma meħtieġa, u rridu nkunu miftuħa għan-negozju.  Iżjed ma jonqos il-preġudizzju li jista’ jkun hawn lejn min qiegħed fin-negozju, iżjed nistgħu naslu li bħala kultura nkunu miftuħa għal izjed negozju.

“L-objettiv tagħna hu li aktar persuni jitħarrġu biex ikunu jistgħu jrawwmu mentalita’ aktar imprenditorjali, biex b’hekk ikollhom suċċess fin-negozju tagħhom u jkomplu joħolqu aktar impjiegi.  Permezz ta’ dawn il-korsijiet, aħna xtaqna li nibdew nipprovdu aktar informazzjoni u opportunita’ ta’ ħsieb fuq is-suġġett ta’ l-imprenditorija, bil-ħsieb li ntejjbu l-kapaċita’ għal aktar innovazzjoni u riċerka fin-negozji tagħna.  Dawk li jattendu għal dan it-taħriġ, jistgħu jibqgħu f’kuntatt miegħi u mas-Segretarjat Parlamentari u uffiċjali oħra ta’ Dipartimenti u Awtoritajiet, bil-ħsieb li jibqgħu jingħataw attenzjoni u għajnuna skond fejn huwa possibbli. 

“Minbarra dawn il-korsijiet, flimkien ma’ l-Edward de Bono Foundation organizzajna serje ta’ laqgħat dwar l-imprenditorija, li huma maħsuba għal dawk l-imprendituri li jixtiequ jużaw aktar riċerka u innovazzjoni fin-negozju tagħhom.  Hemm bżonn li niftakru li riċerka u innovazzjoni ma jsirux biss f’laboratorju, iżda jistgħu jiġu applikati f’kull aspett tan-negozju.  Il-korsijiet flimkien ma’ l-Edward de Bono Foundation għadhom għaddejjin, fil-fatt fadal l-aħħar żewġ laqgħat, iżda hemm il-ħsieb li kemm dawn il-korsijiet, kif ukoll il-korsijiet fl-imprenditorija jerġgħu jiġu organizzati s-sena d-dieħla.” 

Is-Segretarju Parlamentari temm billi awgura lill-istudenti li pparteċipaw f’dawn il-korsijiet suċċess fix-xogħol tagħhom, u ħeġġiġhom biex kontinwament itejjbu lilhom infushom.

DOI – 04.12.2006

8.42 Kbytes Last Modified on 04th December, 2006

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow