Left arrow Mur Lura

KONFERENZA STAMPA MILL-MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U INFRASTRUTTURA L-ONOR. NINU ZAMMIT U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI L-ONOR. TONIO FENECH DWAR GĦOTJA FUQ IX-XIRI TA’ APPARAT GĦALL-UŻU DOMESTIKU LI HUWA EFFIĊJENTI FL-UŻU TA’ L-ENERĠIJA

PR1667
Date Icon 04/12/2006

“Sussegwenti għal dak li tħabbar fid-Diskors tal-Budget għas-sena 2007, illum qed niltaqgħu biex inniehdu skema li hi mmirata biex tħajjar lill-Maltin u l-Għawdxin jixtru tipi ta’ appliances għall-użu domestiku li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Żgur naqblu li kull miżura li twassal għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, mingħajr ma tnaqqas il-livell ta’ l-għajxien ġenerali, tħalli benefiċċji mhux biss għall-konsumatur direttament involut, iżda wkoll lill-ekonomija tal-pajjiż b’mod ġenerali, meta wieħed jaħseb ftit kemm hi l-ispiża annwali marbuta mal-ġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika. Dan minbarra li, fiċ-ċokon tiegħu, il-pajjiż ukoll ikun qed jagħmel il-parti tiegħu biex isostni l-obbligi li għandu kull pajjiż li jħares il-qasam ambjentali f’kuntest dinji.

Kien f’dan id-dawl li, f’dawn l-aħħar snin, daħħalna fis-seħħ skemi li, permezz ta’ għotjiet varji, jinkoraġġixxu l-użu ta’ tagħmir li jaħdem b’sorsi alternattivi ta’ enerġija, bħal solar water heaters u sistemi fotovotajki, li jistgħu jitqabbdu mal-grid elettriku tal-Korporazzjoni Enemalta.

L-iskema li qed inħabbru llum hija ħolqa oħra f’din il-katina u probabilment se tilħaq firxa wisq akbar ta’ konsumaturi minn skemi oħra li kellna fis-seħħ s’issa. Biss, l-iskop jibqa’ l-istess: li jħajjar lil dak li jkun jagħmel għażla aktar għaqlija fil-mument li jkun se jixtri jew jibdel l-appliances tiegħu u jmur għal apparat li huwa aktar effiċjenti fl-użu tal-elettriku. 

Veru li dan probabbli jkun kemmxejn aktar għoli fil-prezz minn tagħmir ieħor li joffri s-suq.  Madankollu, wieħed għandu jħares aktar fit-tul u jikkunsidra dak li se jiffranka bħala konsum tul il-ħajja tal-apparat. L-għotjiet li se jingħataw taħt din l-iskema huma maħsuba biex jgħinu lill-konsumatur jaddotta dejjem iżjed din il-mentalita’ u, permezz ta’ hekk, jikkontribwixxi għal bidla fil-kunċetti u fil-kultura mifruxin f’dan il-qasam.

Bħal ma tħabbar fid-Diskors tal-Budget, l-iskema se tkun effettiva mill-1 ta’ Novembru li għadda.  Madankollu, dawn il-ġimgħat li għaddew kienu essenzjali biex isiru taħditiet intensivi u ta’ dettal bejn l-awtoritajiet tal-Gvern u s-settur ikkonċernat, rappreżentat mill-GRTU, biex jiġi aċċertat li l-iskema tilħaq l-għan tagħha, is-settur ikompli jaħdem mingħajr skossi u l-fondi li se jkunu allokati għaliha jintużaw b’mod li jassigura l-ogħla benefiċċju possibbli.

Għandu jingħad li l-proċess biex jiġu stabbiliti l-parametri ma kienx sempliċi. Veru li jeżistu kategoriji internazzjonali stabbiliti li jispeċifikaw livelli ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ apparat għall-użu domestiku, u dawn huma regolati wkoll mil-liġi Maltija. Madankollu, ftit li xejn hawn informazzjoni preċiża dwar kif inhu strutturat is-suq lokali u kif kienu s’issa x-xejriet prevalenti tal-konsumatur f’dan ir-rigward. Għalhekk kien importanti li, filwaqt li l-Gvern iżomm l-impenn tiegħu li jdaħħal l-iskema b’effett immedjat, din ma tispiċċax isservi biss bħala forma ta’ sussidju għax-xiri ta’ l-istess tip ta’ apparat li fil-parti l-kbira qiegħed diġa’ jinxtara llum. 

F’dan id-dawl, sar arranġament biex l-iskema tidħol fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Novembru li għadda fuq il-bażi kif jidher hawn taħt:

Apparat

Kategorija

20 fil-mija,

b’għotja massima ta’

Lm

Dishwashers

A

25

Refrigerators, Freezers or

Combinations

A   Tropical

A+, Semi tropical

--------------------------------------------

A  Semi-Tropical

(sal-31 ta’ Marzu 2007)

50

50

--------------------

25

Washing Machines

A

25

Tumble dryers

A

25

Air Conditioning Units

A

25

Dawk il-bejjiegħa kollha li jridu li jipparteċipaw fl-iskema għandhom jirreġistraw l-interess tagħhom mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi u jingħataw approvazzjoni mill-Awtorita’ jekk jilħqu l-kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti. Reġistrazzjoni se tkun tista’ ssir on-line. Fost l-oħrajn, il-bejjiegħa se jintalbu jagħtu dettalji sħaħ tal-apparat kollu li se jkollhom għall-bejgħ u se jkunu qed jaqblu li l-apparat jista’ jiġi sottomess għal verifika fiżika da parti tal-Awtorita’ jew ir-rappreżentanti tagħha. Il-bejjiegħa approvati se jkunu obbligati wkoll li jaraw li l-label li juri l-kategorija tal-effiċjenza tal-apparat fl-użu tal-enerġija huwa mwaħħal fuq l-apparat.

F’każ li jirriżulta li tkun ingħatat xi informazzjoni qarrieqa, il-bejjiegħa konċernati jitteħdilhom il-permess li japparteċipaw fl-iskema u l-Awtorita’ tirriżerva d-dritt li xxandar din l-informazzjoni fuq il-website tagħha jew fuq mezzi oħra. Hemm dritt ta’ l-appell kontra d-deċiżjoni ta’ l-Awtorita.

Il-bejjiegħa approvati se jieħdu ħsieb li timtela l-applikazzjoni dovuta mix-xerrejja u li tinkludi d-dettalji kollha flimkien mal-irċevuta fiskali u d-dokumenti oħra meħtieġa skond l-Avviż tal-Gvern, kif pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-bejjiegħa, imbagħad, se jibagħtu l-applikazzjonijiet u d-dokumenti annessi lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi biex jiġu proċessati u biex joħroġ il-pagament direttament lix-xerrej. 

Skemi bħal dawn, li għandhom l-iskop definit u li jikkontribwixxu biex isseħħ bidla fil-kultura tal-konsumatur, huma min-natura tagħhom tranżitorji. Huwa tajjeb għalhekk li, biex l-għan jintlaħaq fl-iqsar żmien possibbli, l-iskemi jkunu wkoll flessibbli. Għalhekk, qed nagħmluha ċara li se jkun qed isir studju kontinwu tal-mod kif se jirreaġġixxi s-suq għall-għażliet li se jagħmel il-konsumatur, fid-dawl ta’ dawn il-miżuri. Għal dan il-għan, se jitwaqqaf working group, magħmul minn rappreżentanti tal-awtorijatijiet tal-Gvern konċernati kif ukoll dawk tal-GRTU, sabiex jeżamina bir-reqqa u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal tibdil fejn jitqies meħtieġ. F’kull każ, tibdil isir biss wara li jkun ingħata avviż ta’ mill-anqas tliet xhur. Għalhekk, wara Marzu tas-sena d-dieħla l-pożizzjoni tkun riveduta jekk tinħass il-ħtieġa.

Sadanittant, il-working group se jaħdem ukoll biex jikkordina kampanja edukattiva li tispjega l-ħafna benefiċċji li hemm x’jittieħdu jekk l-użu tal-enerġija jsir bil-għaqal u bl-aħjar mod possibbli.”

DOI – 04.12.2006

18.19 Kbytes Last Modified on 04th December, 2006

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow