KONFERENZA STAMPA MILL-MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U INFRASTRUTTURA L-ONOR. NINU ZAMMIT U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI L-ONOR. TONIO FENECH DWAR GĦOTJA FUQ IX-XIRI TA’ APPARAT GĦALL-UŻU DOMESTIKU LI HUWA EFFIĊJENTI FL-UŻU TA’ L-ENERĠIJA
“Sussegwenti għal dak li tħabbar fid-Diskors tal-Budget għas-sena 2007, illum qed niltaqgħu biex inniehdu skema li hi mmirata biex tħajjar lill-Maltin u l-Għawdxin jixtru tipi ta’ appliances għall-użu domestiku li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Żgur naqblu li kull miżura li twassal għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, mingħajr ma tnaqqas il-livell ta’ l-għajxien ġenerali, tħalli benefiċċji mhux biss għall-konsumatur direttament involut, iżda wkoll lill-ekonomija tal-pajjiż b’mod ġenerali, meta wieħed jaħseb ftit kemm hi l-ispiża annwali marbuta mal-ġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika. Dan minbarra li, fiċ-ċokon tiegħu, il-pajjiż ukoll ikun qed jagħmel il-parti tiegħu biex isostni l-obbligi li għandu kull pajjiż li jħares il-qasam ambjentali f’kuntest dinji.
Kien f’dan id-dawl li, f’dawn l-aħħar snin, daħħalna fis-seħħ skemi li, permezz ta’ għotjiet varji, jinkoraġġixxu l-użu ta’ tagħmir li jaħdem b’sorsi alternattivi ta’ enerġija, bħal solar water heaters u sistemi fotovotajki, li jistgħu jitqabbdu mal-grid elettriku tal-Korporazzjoni Enemalta.
L-iskema li qed inħabbru llum hija ħolqa oħra f’din il-katina u probabilment se tilħaq firxa wisq akbar ta’ konsumaturi minn skemi oħra li kellna fis-seħħ s’issa. Biss, l-iskop jibqa’ l-istess: li jħajjar lil dak li jkun jagħmel għażla aktar għaqlija fil-mument li jkun se jixtri jew jibdel l-appliances tiegħu u jmur għal apparat li huwa aktar effiċjenti fl-użu tal-elettriku.
Veru li dan probabbli jkun kemmxejn aktar għoli fil-prezz minn tagħmir ieħor li joffri s-suq. Madankollu, wieħed għandu jħares aktar fit-tul u jikkunsidra dak li se jiffranka bħala konsum tul il-ħajja tal-apparat. L-għotjiet li se jingħataw taħt din l-iskema huma maħsuba biex jgħinu lill-konsumatur jaddotta dejjem iżjed din il-mentalita’ u, permezz ta’ hekk, jikkontribwixxi għal bidla fil-kunċetti u fil-kultura mifruxin f’dan il-qasam.
Bħal ma tħabbar fid-Diskors tal-Budget, l-iskema se tkun effettiva mill-1 ta’ Novembru li għadda. Madankollu, dawn il-ġimgħat li għaddew kienu essenzjali biex isiru taħditiet intensivi u ta’ dettal bejn l-awtoritajiet tal-Gvern u s-settur ikkonċernat, rappreżentat mill-GRTU, biex jiġi aċċertat li l-iskema tilħaq l-għan tagħha, is-settur ikompli jaħdem mingħajr skossi u l-fondi li se jkunu allokati għaliha jintużaw b’mod li jassigura l-ogħla benefiċċju possibbli.
Għandu jingħad li l-proċess biex jiġu stabbiliti l-parametri ma kienx sempliċi. Veru li jeżistu kategoriji internazzjonali stabbiliti li jispeċifikaw livelli ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ apparat għall-użu domestiku, u dawn huma regolati wkoll mil-liġi Maltija. Madankollu, ftit li xejn hawn informazzjoni preċiża dwar kif inhu strutturat is-suq lokali u kif kienu s’issa x-xejriet prevalenti tal-konsumatur f’dan ir-rigward. Għalhekk kien importanti li, filwaqt li l-Gvern iżomm l-impenn tiegħu li jdaħħal l-iskema b’effett immedjat, din ma tispiċċax isservi biss bħala forma ta’ sussidju għax-xiri ta’ l-istess tip ta’ apparat li fil-parti l-kbira qiegħed diġa’ jinxtara llum.
F’dan id-dawl, sar arranġament biex l-iskema tidħol fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Novembru li għadda fuq il-bażi kif jidher hawn taħt:
Apparat
Kategorija
20 fil-mija,
b’għotja massima ta’
Lm
Dishwashers
A
25
Refrigerators, Freezers or
Combinations
A Tropical
A+, Semi tropical
--------------------------------------------
A Semi-Tropical
(sal-31 ta’ Marzu 2007)
50
50
--------------------
25
Washing Machines
A
25
Tumble dryers
A
25
Air Conditioning Units
A
25
Dawk il-bejjiegħa kollha li jridu li jipparteċipaw fl-iskema għandhom jirreġistraw l-interess tagħhom mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi u jingħataw approvazzjoni mill-Awtorita’ jekk jilħqu l-kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti. Reġistrazzjoni se tkun tista’ ssir on-line. Fost l-oħrajn, il-bejjiegħa se jintalbu jagħtu dettalji sħaħ tal-apparat kollu li se jkollhom għall-bejgħ u se jkunu qed jaqblu li l-apparat jista’ jiġi sottomess għal verifika fiżika da parti tal-Awtorita’ jew ir-rappreżentanti tagħha. Il-bejjiegħa approvati se jkunu obbligati wkoll li jaraw li l-label li juri l-kategorija tal-effiċjenza tal-apparat fl-użu tal-enerġija huwa mwaħħal fuq l-apparat.
F’każ li jirriżulta li tkun ingħatat xi informazzjoni qarrieqa, il-bejjiegħa konċernati jitteħdilhom il-permess li japparteċipaw fl-iskema u l-Awtorita’ tirriżerva d-dritt li xxandar din l-informazzjoni fuq il-website tagħha jew fuq mezzi oħra. Hemm dritt ta’ l-appell kontra d-deċiżjoni ta’ l-Awtorita.
Il-bejjiegħa approvati se jieħdu ħsieb li timtela l-applikazzjoni dovuta mix-xerrejja u li tinkludi d-dettalji kollha flimkien mal-irċevuta fiskali u d-dokumenti oħra meħtieġa skond l-Avviż tal-Gvern, kif pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-bejjiegħa, imbagħad, se jibagħtu l-applikazzjonijiet u d-dokumenti annessi lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi biex jiġu proċessati u biex joħroġ il-pagament direttament lix-xerrej.
Skemi bħal dawn, li għandhom l-iskop definit u li jikkontribwixxu biex isseħħ bidla fil-kultura tal-konsumatur, huma min-natura tagħhom tranżitorji. Huwa tajjeb għalhekk li, biex l-għan jintlaħaq fl-iqsar żmien possibbli, l-iskemi jkunu wkoll flessibbli. Għalhekk, qed nagħmluha ċara li se jkun qed isir studju kontinwu tal-mod kif se jirreaġġixxi s-suq għall-għażliet li se jagħmel il-konsumatur, fid-dawl ta’ dawn il-miżuri. Għal dan il-għan, se jitwaqqaf working group, magħmul minn rappreżentanti tal-awtorijatijiet tal-Gvern konċernati kif ukoll dawk tal-GRTU, sabiex jeżamina bir-reqqa u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal tibdil fejn jitqies meħtieġ. F’kull każ, tibdil isir biss wara li jkun ingħata avviż ta’ mill-anqas tliet xhur. Għalhekk, wara Marzu tas-sena d-dieħla l-pożizzjoni tkun riveduta jekk tinħass il-ħtieġa.
Sadanittant, il-working group se jaħdem ukoll biex jikkordina kampanja edukattiva li tispjega l-ħafna benefiċċji li hemm x’jittieħdu jekk l-użu tal-enerġija jsir bil-għaqal u bl-aħjar mod possibbli.”
DOI – 04.12.2006
18.19 Kbytes Last Modified on 04th December, 2006
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958